Lokali

Għaxar prijoritajiet biex insaħħu l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista – Toni Bezzina

Il-Perit Toni Bezzina jniedi l-proposti tiegħu għat-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista

Aktar kmieni llum, il-Perit Toni Bezzina, kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijeit tal-Partit, nieda għaxar proposti konkreti li bihom ser ikun qed isaħaħ f’kull aspett l-operat tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ħsieb wara dawn l-għaxar punti huwa dak li jara li t-tesserati u l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista jkunu konsultati fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista fejn kulħadd għandu kontribut x’jagħti.

Huwa rrefera għall-ħidma tal-kumitati sezzjonali fit-tisħiħ tal-valur tat-tessera u l-bżonn illi jkun hemm Uffiċju Data li tassigura li l-informazzjoni tal-membri tal-partit tkun dejjem aġġornata biex il-messaġġ tal-Parit jasal ċar u għand kulħadd b’mod effettiv.

Toni Bezzina qed jipproponi li jkunu mfassla Kumitati Reġjonali biex jikkordinaw il-ħidma tad-diversi Kumitati Sezzjonali ta’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex. Dan iwassal għal ħidma aktar effettiva mid-diversi Fergħat tal-Partit u b’hekk jiżdied il-kuntatt dirett bejn il-PN u soċjetà ċivili f’pajjiżna.

“Irridu nerġgħu nkunu l-punt ta’ referiment għall-attivisti fis-soċjetà li jridu jsaħħu l-iżvilupp demokratiku tagħna”, kompla jispjega Toni Bezzina.

Dwar il-Programm Elettorali huwa sostna li dan għandu jkun dokument ħaj u kontienwu. Il-President tal-Kunsill Ġeneral għandu jkun l-uffiċjal tal-Partit li jmexxi dan ix-xogħol u jikkordina din il-ħidma flimkien mal-istrutturi kollha tal-Partit u ma’ fora mwaqfa bl-iskop li b’mod konstanti jfaslu l-ħsieb politiku u l-proposti tal-Partit.

Fir-rigward tal-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Lokali u il-Kumitati Amministrattivi Bezzina qal li dawn għandhom jiġu identifikati u proposti mill-istrutturi tal-Partit biex ikun hemm żmien biżżejjed biex, b’kollaborazzjoni mal-AŻAD, dawn jingħataw il-formazzjoni neċessarja biex ikunu jistgħu jidħlu fil-ħajja pubblika u politika.

Toni Bezzina nsista fuq l-importanza lil il-membri tal-Grupp Parlamentari jżommu kuntatt dirett fuq bażi regolari mal-membri tad-diversi setturi li tagħhom huma responsabbli biex tkun ifurmata l-politika tal-PN.

“Biex jisaħħu l-finanzi tal-Partit irid jissaħaħ l-uffiċju tat-Teżorier.” Toni Bezzina semma li għandhom jitkomplew l-iskemi preżenti ta’ finanzjament u li għandhom ikomplu jsiru skemi ta’ ġbir kostanti. Bezzina qal ukoll li l-każini huma l-aqwa ass li għandu l-Partit, u b’hekk għandhom ikunu parteċipi fit-tisħiħ finanzjarju tal-Partit. “Irridu naraw li jibqa’ jitħaddem il-pjan tal-istrutturar finanzjarju li nbeda u li dan jitwettaq” saħaq il-Perit Toni Bezzina.

Bezzina kkonkluda billi rrefera għad-Dar Ċentrali li kellha ssir ċentru ta’ attività kemm politika kif ukoll kulturali u soċjali. “B’dan il-mod inkunu nistgħu nsaħħu u norganizzaw aħjar is-sehem tal-mijjiet ta’ voluntiera li għandu il-Partit.” B’dan kollu t-tmexxija tal-Partit għanda tara li tkun preżenti b’mod regolari fil-Head Quarters f’Ta’ Sannat, Għawdex u fl-każin tal-lokalitajiet.

Toni Bezzina kkummenta wkoll fuq il-qada preżenti fil-pajjiż fejn l-istituzzjonijiet ikkrollaw minħabba li tilfu l-fiduċja tal-poplu u minħabba li dawn ġew ridotti f’armi politiċi ta’ gvern moralment korrott. F’id-dawl ta’ dan kollu, huwa xorta jemmen li għad jasal iż-żmien li l-poplu jerġa jfittexx il-Partit Nazzjonalista bħala t-tarka tas-sewwa, u li hu ried jara li l-Partit ikun lest jilqa’ għal dik l-isfida. Bezzina sellem lill-ħidma tas-soċjetà ċivili li kienu qed jixprunaw il-bidla li hemm bżonn fil-pajjiż u wegħdhom l-appoġġ tiegħu kemm fit-toroq kif ukoll mis-siġġu tiegħu fil-Parlament.

Matul il-jiem li ġejjin il-Perit Toni Bezzina ser ikun qed jindirizza wkoll il-proposti tiegħu għall-midja tal-Partit u dwar kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jikseb postu fil-qalba tas-soċjetà Maltija.