Lokali

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia preżenti fil-Qorti fil-kawża ta’ libell li għamel il-Ministru Chris Cardona

Matthew Caruana Galizia jiddikjara li tkompli l-kawża ta’ libell

Meta dalgħodu kompla jinstema’ fil-Qorti l-libell li l-Ministru Chris Cardona għamel kontra Daphne Caruana Galizia, li ġimgħa ilu nqatlet assassinata b’karozza bomba fil-Bidnija, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iddikjara li jrid li l-proċess fil-Qorti jitkompla.

Matthew Caruana Galizia għamel din id-dikjarazzjoni f’awla ssummata hekk kif il-familja kollha – ir-raġel u wlied Daphne Caruana Galizia – kienet preżenti fl-Awla tal-Qorti.

Matthew Caruana Galizia ididkjara dan bi tweġiba għal dak li qal l-Avukat Pawlu Lia f’isem il-Ministru Cardona li kien għadu ma kkonsultax mal-Ministru dwar it-triq ’il quddiem f’din il-kawża minħabba li ħass li kien prematur li jagħmel dan issa f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Din id-dikjarazzjoni saret minn Matthew Caruana Galizia wara dikjarazzjoni li għamel l-Avukat Pawlu Lia għan-nom tal-Ministru Cardona, u wara li l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Deapsaquale, kienet tat il-kondoljanzi sinċiera lill-familja Caruana Galizia li kollha, ir-raġel ta’ Daphne Peter, u t-tfal Matthew Paul u Andrew, kienu preżenti fl-awla.

Wara li l-Qorti semgħet lill-Avukat Peter Caruana Galizia jinforma lill-Qorti li l-fdalijiet mill-katavru tal-mara tiegħu Daphne Caruana Galizia għadhom miżmuma fl-investigazzjonijiet u li jidher li dawn mhux se jkunu rilaxxati fl-immedjat.

F’dan il-mument, il-Maġistrat Depasquale informa lill-partijiet kollha fil-kawża li se jaġġorna s-seduta għall-4 ta’ Diċembru f’nofsinhar, biex il-partijiet jinfurmawh bit-triq ’il quddiem tal-kawża.

Kien f’dan il-mument li iben Daphne Caruana Galizia, Matthew, talab biex jagħmel dikjarazzjoni u qal li l-Ministru Chris Cardona għandu interess li l-kawża ma tkomplix, u li hu qed jiddikjara li l-fmailja Caruana Galizia trid li l-każ jitkompla jinstema’ fil-Qorti.

Ir-risposta tal-Aviukat Lia lill-Qorti kienet li ma kien hemm ebda intenzjoni ta’ dan it-tip waqt li jifhem li dak li kien għadu kemm intqal fil-Qorti hu riżultat ta’ emozzjonijiet qawwija tal-esperjenza li għaddejjin minnha.
Għar-rimarki tal-Maġistrat li l-ballun qiegħed f’saqajn min għamel il-kawża ta’ libell, l-Avukat Lia qal li dan mhux neċessarjament minnu u li kieku kien hekk, kienu jixxutjaw il-ballun.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale rrrimarka li l-Qorti tifhem bis-sħiħ il-kummenti tal-ġurnalist żagħżugħ Matthew Caruana Galizi, u li tapprezza wkoll l-uġigħ li għaddejja minnu l-familja Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Depasquale informa wkoll lill-famlja Caruana Galizia li l-Avukati tagħhom, rappreżentati fl-Awla minnJoe Zammit Meample u Antonio Ghio, kienu se jiggwidawhom f’dan il-proċess.

L-istess libell li l-Ministru Cardona għamel kontra Daphne Caruana Galizia, qiegħed jagħmlu wkoll wkoll kontra il-ġurnal ‘In-Nazzjon’.