Il-Gvern irrifjuta mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia biex il-parlament jiddiskuti t-talbiet tas-soċjetà ċivili fil-protesta tal-bieraħ fil-Belt għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
Fis-seduta parlamentari tal-lejla Adrian Delia qal li billi l-Kamra innotat li fis-16 ta’ Ottubru 2017 inqatlet Daphne Caruana Galizia u nnotat li ż-żewġ naħat ikkudannaw il-qtil makabru ta’ Daphne, li hu wkoll qtil kontra l-pajjiż. Is-soċjetà ċivili niżlet fit-toroq u ressqet talbiet quddiem il-President ta’ Malta fejn intalbu r-riżenji u tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali. L-Oppożizzjoni talbet li fis-seduta jsir dibattitu dwar dan bla ma jittieħed vot.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din hi sitwazzjoni ta’ importanza pubblika u urġenti. Dakinhar minflok saret diskussjoni dwar il-budget, l-Oppożizzjoni ddikjarat li hu irrilevanti fejn anki l-Prim Ministru fehem is-sitwazzjoni tal-pajjiż u għamel l-istess. Bl-istess mod il-Prim Ministru tkellem dwar dak li ġara.
L-Erbgħa l-media tkellemt biss fuq Malta waqt li l-Ħamis saret konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju tal-Pulizija li flok kienet ta’ konfort, tefgħet lill-pajjiż f’baħar ta’ inkwiet. Il-Ġimgħa, l-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa mistoqsija wara l-oħra lill-Ministru tal-Intern dwar jekk kellux fiduċja fil-Kummissarju iżda l-Ministru ma weġibx fl-affermattiv.
Is-Sibt tkellem l-Arċisqof u l-Ħadd il-poplu niżel fit-toroq jitlob li tittieħed azzjoni. Dalgħodu erġajt stedint lill-Prim Ministru li jisma’ lill-poplu iżda l-Prim Ministru injora kompletament u ma qalx kelma waħda dwar is- suġġett.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-ebda mozzjoni ma tista’ itressaq f’ġurnata mħollija għax-xogħol ta’ provista.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius talab lill-gvern jekk għandux oġġezzjoni li ssir id-diskussjoni.
Il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marcio ressaq point of order u qal li l-gvern mhu qed jara xejn urġenti f’din it-talba.
Il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li l-Gvern m’għandux xejn x’iżid mal-pożizzjoni espressa għax l-ewwel okkażjoni biex titressaq it-talba kienet propju s-seduta ta’ filgħodu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li d-diskors tiegħu filgħodu kien dedikat biss għas-suġġett tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li fih hu għamel stedina lill-Prim Ministru biex jisma’ l-porposta tal-Oppożizzjoni. Kien biss wara li l-Prim Ministru ma laqax din l-istedina tal-Oppożizzjoni li saret din il-mozzjoni. Il-Gvern għandu jgħid jekk għandux oġġezzjoni li jiddiskuti din il-kwistjoni ta’ materja urġenti.
David Agius qal li din hi xi ħaġa serja ħafna u staqsa jekk il-gvern għandux diffikulta li l-Kamra tiddiskuti l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li m’hemmx qbil.
Il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco sostna li d-dinja qed titkellem fuq Malta fejn anki l-Prim Imħallef tkellem dwar is-saltna tad-dritt. Tkellmet il-media internazzjonali kollha dwar Malta u għalhekk l-Istat għandu jikkunsidra li jiddiskuti bħala deputati tal-poplu fuq xi ħaġa tant serja.
Il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li l-Ispeaker diġa ta ruling u l-Oppożizzjoni qed tisfida dan ir-ruling.
Adrian Delia talab lll-Ispeaker u lill-gvern li fid-dawl tas-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-pajjiż u li ż-żewġ naħat ikkunsidraw ix-xogħol tal-Kamra – il-budget – bħala irrilevanti jikkusnidra d-diskussjoni. Hu sostna li l-Gvern irid li jintefa’ kollox taħt it-tapit. Id-demokrazija ma tafx ħin u jekk irridu ngħaqqdu l-pajjiż ejja nieħdu din l-okkażjoni u nitkellmu b’leħen wieħed.
Hu qal li din mhix mozzjoni normali għax hi mozzjoni definita u ta’ importanza pubblika urġenti. Qabel jingħata r-ruling, il-Gvern għandu l-opportunità li fuq din il-kwistjoni tispeċifika jekk din hix kwistjoni ta’ importanza. Il-Gvern baqa’ sieket s’issa.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li r-ruling għandu jingħata bil-miktub iżda l-Ispeaker baqa’ jsostni li l-ebda mozzjoni ma tista titressaq f’ġurnata mħollija għax-xogħol ta’ provista għalkemm jekk ikun hemm qbil, kollox jista’ jsir. Hu sostna li m’hemmx qbil tant li l-Whip tal-Gvern qal li l-parlament għandu jimxi mal-aġenda.
Il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco talab li fil-minuti jingħad li l-Gvern mhux jaqbel ma’ din id-diskussjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvern biex jagħti l-konfort lis-Sedja u jifhmu f’liema stat qiegħdin ngħixu fih biex l-Ispeaker jissupera l-ostaklu u ssir id-diskussjoni. Hu appella lill-Gvern biex jilqa’ din l-istedina.
Id-diskussjoni ma saritx.
//= $special ?>