Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinjora l-mistednin u jaħrab minn lukanda biex jevita ‘l ġurnalisti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab lill-ġurnalisti hekk kif qed tiżdied il-pressjoni fuqu biex jieħu azzjoni fid-dawl tal-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Joseph Muscat kien il-mistieden speċjali fil-ftuħ tal-Holiday Inn f’Paceville. Iżda wara d-diskors tiegħu, u minkejja li dawk qrib tiegħu kienu infurmati li l-ġurnalisti riedu jagħmlulu l-mistoqsijiet, hu ħarab mill-post.

Immedjatament malli spiċċa d-diskors tiegħu, Muscat mar dritt lejn il-lift mingħajr lanqas biss qatta’ ftit ħin mal-mistiedna, daħal fil-lift li kien qed jistennieh u telaq ‘il barra mil-lukanda.

Sakemm il-ġurnalisti stennew il-lift u niżlu isfel, il-Prim Ministru kien diġa’ fil-karozza tiegħu, segwit minn vettura tas-sigurtà, sejjer ‘lil hinn minn Paceville.

Il-Prim Ministru mhux biss qed jiġi kkritikat lokalment u fil-midja barranija, iżda l-Ħadd saħansitra saret dimostrazzjoni nazzjonali organizzata mis-soċjetà ċivili biex jieħu azzjoni fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Dan fid-dawl li ma ħadux azzjoni fuq diversi allegazzjonijiet serji li ilhom isiru għall-aħħar snin taħt it-tmexxija tal-Gvern Laburista.