Lokali

L-investituri tal-Holiday Inn jappellaw lill-Gvern biex isostni l-investiment privat

“Hemm bżonn li l-investiment pubbliku f’Paceville jikkumplimenta l-investiment privat li jsir f’din iż-żona ta’ divertiment f’pajjiżna.”

Iddikjaraw dan id-diriġenti tal-Holiday Inn, lukanda lussuża fil-qalba ta’ Paceville li kienet inawgurata t-Tnejn filgħaxija. Fl-isfond ta’ dan l-investiment importanti, innutaw li sfortunatament l-investiment pubbliku li jsir mill-Gvern f’San Ġiljan ma jlaħħaqx mal-investiment privat.

Dan bil-konsegwenza li jsofru l-investituri, li jkunu ħarġu miljuni kbar ta’ ewro biex mhux biss ikabbru l-operat tagħhom imma wkoll joffru prodott ta’ kwalità ogħla lit-turist.

Fid-diskors tiegħu, u fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-chairman eżekuttiv ta’ Eden Leisure Group Ian De Cesare nnota kif fost l-oħrajn l-imprendituri li jinvestu f’Paceville u San Ġiljan kienu mwegħda l-introduzzjoni tal-pulizija tat-turiżmu biex tiżdied is-sigurtà.

Appella biex l-investiment privat ikun akkumpanjat minn investiment mill-Gvern biex tisbieħ u tissaħħaħ iż-żona ta’ Paceville għaliex tali investiment iġib miegħu spiża ta’ taxxi u mijiet ta’ impjiegi li jridu jiġu sostnuti.