Quddiem l-akbar traġedja nazzjonali li qatt ġrat f’pajjiżna – il-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia – l-Prim Ministru Joseph Muscat wera l-insensittività tiegħu għal dan il-mument meta f’diskors Parlamentari dalgħodu għażel li jinjora dak li qed jiġri f’pajjiżna.
F’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna jinsab maħsud bi qtil ta’ ġurnalista – xi ħaġa li qatt ma ġrat f’pajjiżna – b’għajnejn id-dinja kollha tinsab fuqna bħala pajjiż dwar kif se nitrattaw din is-sitwazzjoni. Il-Prim Ministru, iżda, qed jinjora dan kollu, u qed jiprova jaġixxi business as usual – falzità.
Il-Partit Nazzjonalista tenna li Muscat mhux talli ma jridx jerfa’ r-responsabbiltà politika, iżda ma jridx li ssir ġustizzja. Muscat lanqas ma jrid li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jitkellem dwar din it-traġedja nazzjonali, iżda jrid jitfa’ dan il-każ taħt it-tapit.
L-Oppożizzjoni mhix se tħalli lil Muscat jinjora din it-traġedja nazzjonali. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li ssir ġustizzja, u tinsisti li tintrefa’ r-responsabbiltà politika għal dan il-qtil politiku.
//= $special ?>

