Lokali

FILMAT: “Prim Ministru, isma’ l-karba ta’ pajjiżna – irridu pajjiż normali u demokratiku” – Adrian Delia

Isma' d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ġimgħa fuq il-qtil tal-ġurnalista

“Prim Ministru – isma’ l-karba ta’ pajjiżna, tal-poplu Malti u Għawdxi jgħidlek li pajjiżna ma jixraqlux. Irridu pajjiż li hu normali u demokratiku” – kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fid-diskors tiegħu fil-Parlament, propju ġimgħa fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biddel il-mod kif id-dinja u l-Maltin stess iħarsu lejn pajjiżna. Tenna’ li Malta m’għadhiex il-pajjiż meqjusa bħala destizzjani sigura u r-reputazzjoni eċċellenti li kellha nbidlet.

Madanakollu, Adrian Delia qal li din il-bidla ma seħħitx nhar it-Tnejn li għadda fil-qtil tal-ġurnalista iżda, f’pajjiżna kien ilu jbaqbaq – u fl-aħħar snin saret sitwazzjoni perikoluża.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid li l-istituzzjonijiet huma b’saħħithom – dan minkejja s-sitt bombi li seħħu, minkejja li nqatlet ġurnalista, minkejja il–kliem li qal il-Prim Imħallef dik li s-saltna tad-dritt qed tintilef, u minkejja dak li qed jirrapurtaw il-ġunralisti madwar id-dinja – għall-Gvern l-importanti hu li kollox miexi qisu ‘business as usual’. “Dan ma jistax ikun, ma jistax jitħalla is-sens li jirrenja f’dan il–pajjiż li xejn mhu xejn. Fejn jekk hemm problema nitfgħulha l flus u nsolvuha. Dan mhuwiex delitt kwalunkwe – imma huwa qtil politiku”, stqarr Adrian Delia.

Adrian Delia qal li trid tintrefa’ responsabbilta’ mill-Kummisssarju tal-Pulizija – u li kieku kien tal-affari tiegħu kien jinvestiga – iżda f’dawn l-aħħar snin ma saritx investigazzjoni fuq il-każijiet tal-bombi, l-każ ta’ Jimmy Magro minkejja l-kundanna fil-każ tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, u l-Panama Papers. Kompla, li l-Gvern huwa politikament responsabbli għal min jaħtar f’karigi bħal dawn.

“Is-sigurta’ hi problema f’Malta kollha”, fejn hawnhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni kwota artiklu fil-media u stqarr: “żarmajtu il-Korp tal-Pulizija li sippost qed jiddefendi lilna, minflok il–gvern daħħal 27 persuna fl-2016 li għandhom rekord kriminali. Dan sar biss possibli, li nies b’rekord kriminali jidħlu fil-Korp tal-Pulizija, wara li nbiddlu r-regoli meta l-Partit Laburista ħa l poter fl-2013”.

“Il-poplu Malti din il-ġimgħa kellu opportunita’ li jara lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo – min hu li jġegħlek tħossok tkun komdu minnhom?”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-eks Kummissarju John Rizzo kien wiehed minn tal bidu li tneħħa minn Joseph Muscat. Semma’ li meta l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami ħatar lil John Rizzo bħala Kummissarju, hu għamel hekk mhux għax kien ixejjer xi bandiera tal-partit, imma għax kien kompetenti għal dik il-kariga.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja lill-Pulizija li jagħmlu xogħolhom ta’ kuljum, madanakollu hu ddispjaċih li l-poplu Malti ma jistax iħossu sigur ġewwa daru. “Dan mhux dak li Joseph Muscat wiegħed lill-poplu. Joseph Muscat qiegħed imexxi l-Gvern li l-iktar jiswa’ flus lill-kaxxa ta’ Malta. Meta l-Prim Ministru kien mistoqsi li jkollu kabinett daqshekk kbir qal li se jżid l-effiċjenza u jkollu Gvern tal-aqwa żmien. L-aqwa fhiex? Trasparenza? Kontabilita’? Meritokrazija? Good governance? – dawn kienu buzz words biex nimpressjonaw biss”, stqarr Adrian Delia fil-Parlament.

Dan il-kabinett, stqarr Adrian Delia jiswa’ lill-poplu Malti elf milju ewro żieda – kważi b’40%. Dan minkejja li pajjiżna għandu l-akbar rata fl-Ewropa ta’ early school leavers – żieda f’anzjani li qed jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar. Kompla li dan il-Gvern qed iżid l-ammont ta’ nies li jaħdmu mal-Gvern – żieda ta’ 5,000 impjieg mal-Gvern f’5 snin. Adrian Delia kompla li l-Gvern ma weġibx kemm ġew impjegati nies fi żmien l-elezzjoni. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kwota lill-Ombudsman, fejn qal li ħafna minn dawn l-impjiegi jmorru kontra l-Kostituzzjoni. Adrian Delia staqsa x’se jagħmel il-gvern dwar dak li qal l-Ombudsman?

Adrian Delia għal darb’oħra reġa’ appelal biex jitneħħew il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali- u li hekk kif jitneħħew mill-kariga u jinħatru b’2/3 mill-Parlament sabiex ikun hemm persuni f’din il-kariga li jixraq lill-poplu.

Adrian Delia stqarr li dan il-Gvern minn naħa l-oħra ikeċċi lil min jagħmel xogħolu sew u jinvestiga – u semma’ lil Charles Cronin u Jonathan Ferris li ġew mkeċċija mill-FIAU. Minflok, stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni li għandna kultura tal-ħabi u dlam, fejn l-affairjiet ma jkuux magħrufa u jkunu l-bogħod mill-iskrutinju tan-nies u mill-ġurnalisti.

“Prim Ministru isma’ lill-Oppożizzjoni li qaltlek li trid tintrefa’ r-responsabbilta’ politika, tenna li l-Kummissajru tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali iridu jirreżenjaw mill-kariga u minflokom jinħatru b’2/3 mill-Parlament – jekk verament hu Gvern li jisma’. Isma lill-Ombudsman li l-Gvern qed jikser il-liġi. Isma lill-Prim Imħallef li s-saltna tad-dritt qed tiġi mhedda. Isma’ lill-Arċisqof li qal li f’dan il-mument pajjiżna mhux għaddej minn żmien normali. Isma lil Daphne Caruana Galizia li għajtet l-akbar għajta. Isma lill-ġurnalisti kollha Maltin u barranin li qed jgħidu affarijiet dwar pajjiżna li qatt ma ridna nisimawhom. Isma lis-soċjeta’ ċivili li issa ndunat li dan hu mument storiku f’pajjiżna u niżlet ilbieraħ fit-toroq. Fl-aħħar mil-aħħar, isma’ lin-nies”, tenna Adrian Delia.

Adrian Delia tenna li jekk qatt kien hemm xi darba li dan il-Gvern jisma’ għandu jkun illum, isma lin-nies fit-toroq u d-djar – in-nies iridu li tintefa’ repsonsabbilta’ politka, għax iridu pajjiż normali.