Ilbieraħ f’Londra ngħataw l-aqwa unuri mill-FIFA fejn Cristiano Ronaldo rebaħ l-unur l-iktar importanti dak tal-aqwa plejer tas-sena tal-FIFA.
Għal Cristiano Ronaldo din kienet il-ħames darba li hu rebaħ dan l-unur prestiġjuż, biex issa laħaq lir-rival tiegħu Lionel Messi li wkoll rebaħ dan l-unur ħames darbiet.
Fil-futbol tan-nisa l-unur tal-aqwa plejer mar għand Lieke Martens, plejer Olandiża ta’ 24 sena li kienet tifforma parti mit-tim Olandiż tan-nisa rebbieħ tat-titlu ewropew.
Fil-kategoriji tal-kowċis, Zinedine Zidane rebaħ il-kategorija tal-irġiel wara li wassal lil Real Madrid għal-suċċess fiċ-Champions League fejn hu għeleb l-isfida ta’ Antonio Conte u massimiliano Allegri, filwaqt li Sarina Wiegman rebħet l-unur tal-aqwa kowċ tan-nisa wara li mexxiet lill-Olanda lejn it-titlu ewropew fis-sajf li għadda.
Il-goalkeeper tal-Italja u ta’ Juventus Gianluigi Buffon kien magħżul bħala l-aqwa goalkeeper tas-sena fl-eta’ ta’ 39 sena.
L-attakkant ta’ Arsenal Olivier Giroud rebaħ l-unur tal-aqwa gowl tas-sena grazzi għall-gowl skorjat bit-takkuna nhar l-ewwel tas-sena fir-rebħa ta’ Arsenal 2-0 kontra Crystal Palace.
Kien ukoll imħabbar it-tim tas-sena:
Goalkeeper: Gianluigi Buffon
Difensuri: Dani Alves, Leonardo Bonucci, Sergio Ramos, u Marcelo.
Midfielders: Luka Modric, Toni Kroos, Andres Iniesta.
Attakkanti: Lionel Messi, Cristiano Ronaldo, Neymar.