Il-Kap Eżekuttiv ta’ Milan Marco Fassone ikkonferma li jekk kemm-il darba Milan ma jikkwalifikawx għaċ-Champions League xi plejers ikollhom jiġu mibjugħa.
Nhar il-Ħadd li għadda, wara li tilfu kontra Roma u Inter u spiċċaw draw fl-Europa League kontra AEK Athens, Milan reġgħu naqsu milli jirbħu f’San Siro wara li spiċċaw fi draw ieħor ta’ mingħajr gowls kontra Genoa f’partita valida mill-kampjonat.
Fis-sajf li għadda Milan għamlu diversi akkwisti fosthom Ricardo Rodriguez, Andre Silva u Leonardo Bonucci imma minkejja dan l-affarijiet s’issa ma tantx huma sejrin tajjeb u Milan qegħdin fil-11-il il post tal-klassifika.
“Li nikkwalifikaw għaċ-Champions League m’huwiex biss objettiv imma anke dmir tagħna. Il-flus li ndaħħlu minn din il-kompetizzjoni huma fundamentali għall-poġett tagħna u jekk ma nikkwalifikawx għaliha ma jkunx falliment. Imma bla dubju l-proġett tagħna jittardja b’sena u biex nibbilanċjaw l-ispejjeż ikollna nbiegħu xi plejers importanti jekk dan iseħħ,” qal Fassone.
B’dawn ir-riżultati, il-pressjoni fuq il-kowċ tar-Rossoneri Montella qed dejjem tikber.
Intant, Barcelona u Arsenal jinsabu interessati fl-attakkant ta’ Milan Andre Silva. Dan il-plejer kellu bidu ferm tajjeb fl-Europa League u skurja diversi gowls importanti.
Għalkemm fil-kampjonat Taljan ftit qed jispikka, l-eksattakkant ta’ Porto qed ikun segwit minn dawn iż-żewġ klabbs.
Silva skorja sitt gowls fl-Ewropa mar-Rossoneri u qed jaspira li jgħin lit-tim joħroġ mill-mument negattiv li jinsabu fih b’mod partikolari fil-kampjonat.
//= $special ?>