L-eksPresident tal-FIFA Sepp Blatter \vela li l-President tar-Russja Vladimir Putin stiednu biex jattendi partiti tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir sena oħra fir-Russja.
Dan minkejja li fl-2015 Blatter kien sospiż mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA wara li nstab ħati li fl-2011 ta pagament irregolari ta’ 1.35 miljun lira sterlina lil Michel Platini li dakinhar kien President tal-UEFA.
Ironikament, anke Platini, li bħal Blatter kien sospiż, ġie invitat minn Putin biex imur ir-Rusja jsegwi xi partiti. Kemm Blatter kif ukoll Platini ġew sospiżi tmien snin imma wara li dawn appellaw din is-sospensjoni din tnaqqsitilhom għal sitt snin.
Blatter kien ilu 17-il sena President tal-FIFA u wara li fl-Mejju tal-2015 ġie re-elett President fl-elezzjoni Presidenzjali kellu jwarrab mill-kariga tlett ijiem wara minħabba l-pressjoni li kienet qed issir fuqu minħabba li kien qed ikun akkużat b’korruzzjoni.
Eventwalment ġie sospiż u llum-il ġurnata minfloku hemm Gianni Infantino.
“Se nkun preżenti għat-Tazza tad-Dinja matul is-sena li ġejja. Irċivejt stedina mingħand Putin u s’issa għadni ma nafx kemm se ndum fir-Russja. Ma naħsibx li se ndum ħafna,” qal Blatter.
Ir-Russja kienet rebħet id-dritt li torganizza t-Tazza tad-Dinja fl-2010, jiġifieri meta kien għad hemm Blatter President.
//= $special ?>