Lokali

Charlene Fenech tintgħażel bħala l-ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali

Charlene Fenech, intgħażlet bħala l-ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali tal-2017. Organizzata mill-Kummissjoni Ewropea, il-ġimgħa ta’ bejn l-20 u l-24 ta’ Novembru  se tinvolvi mijiet ta’avvenimenti u attiviajiet madwar l-UE, u anki f’Malta, biex ikompli jiżdied l-għarfien dwar il-benefiċċji li l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali. L-inġinier tal-ajruplani ma’ Lufthansa Technik, gradwata mill-MCAST ser ikollha l-għan li turi li l-VET u l-apprendistati huma għażliet bil-għaqal, li jwasslu għal impjiegi ta’ kwalità għolja u żieda fl-impjegabiltà.

Fenech hija waħda minn grupp ta’ Ambaxxaturi minn Stati Membri differenti tal-UE li b’mod volontarju qed joffru biex ixerdu tagħrif dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali f’pajjiżhom. Hi ntgħażlet għal dan r-rwol prestiġġjuż minħabba l-profil partikolari tagħha li għandu jservi bħala ispirazzjoni għal persuni oħra. Charlene sostniet li huwa ta unur kbir għaliha li ntgħażlet bħala l-ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali tal-2017.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobiltà tax-Xogħol qalet,”Li nippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala l-ewwel għażla hi l-qofol tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Vokazzjonali.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività saħaq fuq dan, u żied jgħid, “L-aktar pajjiżi kompetittivi fl-UE u fid-dinja huma dawk li jinvestu l-aktar fil-ħiliet.”

Is-sena l-oħra, saru kważi 1,000 avveniment madwar l-Ewropa matul il-Ġimgħa tal-Ħiliet Vokazzjonali Ewropea 2016, u ġabet flimkien qrib il-miljun stakeholder. Il-Ġimgħa tal-2017 mistennija li tattira parteċipazzjoni akbar. Il-firxa totali tal-hashtags tal-kampanja, #EUVocationalSkills u #DiscoverYourTalent is-sena l-oħra kienet ta’ aktar minn 10.5 miljun ruħ