– Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet attakkata kontinwament u għaddiet minn trawma.
Fil-parlament Ivan Bartolo qal li l-gvern jemmen f’verità tal-lastiku u sostna li fil-Pakistan tar il-ministru involut fil-Panama Papers waqt li f’Malta taret b’bomba il-persuna li kixfet l-iskandlu. Dan hu stat imnawwar Malti mafjuż; fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq mara Maltija li għaddiet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fl-Ort tal-Ġettsemani.
Hu semma kif anki hu kien attakkat meta bħala kunsillier Laburista ken appoġġja l-UE. Dak iż-żmien hu kellu telefonati li se jaħarquh ħaj tant li kien anki ngħata protezzjoni mad-dar mill-Kummissarju tal-Pulizija Rizzo. Daphne hi l-prezz tal-kuraġġ.
Ivan Bartolo kompla li Daphne għaddiet minn dawn it-trawmiet kontinwament fejn kulħadd dar kontriha. Mid-demm li nxtered irridu nitgħallmu lezzjoni ta’ lealtà. Il-poplu jrid jiftaħ għajnejh. Hu semma l-qtil ta’ Karen Grech, Raymond Caruana u tal-pulizija Mark Farrugia, l-kuntistabbli Roger Debattista, l-pulizija Alphons Farrugia u l-attentat ta’ qtil fuq Richard Cachia Caruana li salva. Il-verità hi dik li tagħmel lill-bniedem.
Il-kobor ta’ Daphne ma jihirx biss fil-kiteb iżda fi-sinċerità tagħha. Hi għarfet twassal il-verità bis-sinċerità. Il-gvern hu aljenat għax hemm media li qed tipproteġa stejjer bħal ma kien seħħ fil-każ ta’ Pietru Pawl Busuttil.
Il-pajjiż daħal fi kriżi ta’ biża’ bil-gvern jipprova jaljena. Ħadd u xejn mhu se jġib lura lil Daphne Caruana Galizia. Jalla l-memorja tagħha tkun dawl biex Malta tinġabar mill-qigħ tal-abbiss. Bil-memorja ta’ Daphne; ħadd ma jista’ jirbħilna. Daphne kienet il-vuċi tal-verità u jagħmel ħażin minn jipprova jirkeb fuq il-vuċi tagħha.
Ivan Bartolo tkellem dwar is-ettur soċjali, qal li l-gvern għandu kriżi kbira fl-Awtorità tad-Djar u sostna li s-700 post li se jinbnew mhux se jkunu lesti qabel sentejn oħra. Hu semma l-problemi kbar li hawn fis-settur soċjali u sostna li hu fiduċjuż li l-bord il-ġdid iħares bis-serjetà l-urġenza ta’ dawn n-nies li għandhom bżonn.
In-nies qed jikru ċella bi prezz ta’ €400 fix-xahar. Il-gvern għandu jappunta ministru għas-settur tad-djar għaliex hawn 20% tal-populazzjoni li qed jikru u qed isibu ruħhom barra. Ħafna Maltin li jgħixu fil-faqar qed ikollhom iħallsu rati esaġerti għall-kirjiet milli ftit li jaqilgħu. Jeħtieġ li l-white paper tkun lesta mill-iktar fis. Din hi nuqqas ta’ viżjoni tal-gvern.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PL llum mhux iħaddan il-prinċipji taż-żgħir; il-ġid għandu jkun għad-dgħajfin. Hu semma l-problemi tal-anzjani li llum mhux qed jgħixu b’dinjità. Dan hu gvern li qed jimmaniupla l-ħsieb biċ-ċifri. Dan hu gvern b’wiċċu aħmar nar quddiem id-dinja fit-traffikar tad-droga u setturi negattivi oħra. Dawn huma l-effetti negattivi ta’ politika li titfa’ piż fuq l-aktar nies dgħajfin. Il-gvern hu kompliċi fit-tkissir tas-saltna tad-dritt.
Ivan Bartolo qal li l-Gvern qed iġib ruħu b’mod li juri li mhux ħieles u qed jobdi biss il-liġi għamja fejn il-gvern isejjaħ kriminal bħala suldat tal-azzar. Id-deputati tal-Gvern m’għandhomx il-liġi morali ġo fihom u qed jagħtu impressjoni li mhix soda mħallsa minn fuq il-poplu.
Dwar il-persuni b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol, id-deputat Nazzjonalista qal li anki jekk persuna tkun ħadmet ġurnata waħda bss, għall-gvern tfisser li din impjegata. Dan għaliex il-gvern jara lin-nies bħala numri. Persuni b’diżabbiltà m’humiex numri.
//= $special ?>