Internazzjonali

Donald Tusk iħeġġeġ l-għaqda fin-negozjati għall-Brexit

Donald Tusk

 

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, esprima l-inkwiet li l-Unjoni Ewropea tiffaċċja ‘disfatta’ fin-negozjati mar-Renju Unit dwar il-Brexit, dment li ma tinżammx l-għaqda assoluta bejn il-grupp ta’ pajjiżi membri.

Tusk qal, waqt diskors lill-Parlament Ewropew, li t-tluq tar-Renju Unit minn mal-Unjoni hu l-akbar prova għall-istess Unjoni li, akkost ta’ kollox, trid tkun attenta biex tevita d-diżgwid li jwassal għal separazzjoni.

Hu kompla li jekk ifallu n-negozjati, dan għandu jitqies daqslikieku ‘telfa għall-Unjoni’ u meta r-riżultat tal-Brexit ‘hu fil-parti kbira f’idejn ir-Renju Unit, irrispettivament minn jekk jintlaħaqx qbil jew le’.

Ir-Renju Unit għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea f’Marzu tal-2019 u għalissa l-ebda naħa ma trid titkellem dwar rebbieħa jew telliefa potenzjali fin-negozjati. Intant, Donald Tusk insista li qed jagħti priorità assoluta lill-għaqda fost is-27 Stati membri l-oħra tal-Unjoni, irrispettivament minn liema naħa jmorru t-taħditiet bejn Brussell u Londra.