Lokali Qtil Politiku

FILMAT: Ara x’qalu l-MEPs dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Minn Mario Frendo u Kenneth Xuereb

Il-Kummissjoni Ewropea tappella għal investigazzjoni serja u b’saħħitha

Il-Kummissjoni Ewropea ngħaqdet mal-Parlament Ewropew biex tappella għal investigazzjoni serja u b’saħħitha dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal dan meta kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew f’dibattitu li sar waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu.

“Il-Kummissjoni taqbel li għandu jkun hemm investigazzjoni indipendenti u serja dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, biex min għamel dan l-att brutli, jinġieb quddiem il-ġustizzja,” qal Timmermans.

Filwaqt li nnota kif il-media ħielsa hija l-gwardjan tad-demokrazija, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea appella biex l-awtoritajiet Maltin jassiguraw li ssir investigazzjoni sħiħa dwar il-każ, waqt li turi li l-qafas ta’ liġijiet tagħha huwa wieħed b’saħħtu.

“Dan id-dibattitu jikkonferma li għajnejn l-Ewropa jinsabu fuq Malta. F’dan il-mument, għandna d-dover li nqumu bilwieqfa biex niddefendu l-valuri komuni li jagħmluna Ewropej,” temm jgħid Timmermans.

“Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga r-Rule of Law f’Malta” – Esteban Gonzales Pons

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta. Qal dan Esteban Gonzales Pons f’isem il-Partit Popolari Ewropew waqt id-dibattitu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-indirizz tiegħu, Gonzales Pons irrefera għall-aħħar kelmiet ta’ Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet, jiġifieri li s-sitwazzjoni hija ddisprata, u qal li għandha ssir investigazzjoni serja biex ikun stabbilit x’kien l-iskop wara dan il-qtil.

“L-Unjoni Ewropea falliet lil Daphne,” qal fl-indirizz tiegħu waqt li spjega d-dispjaċir għall-fatt li bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, Daphne Caruana Galizia ma ngħatatx il-protezzjoni li kellha tingħata. “Ħadd ma taha l-protezzjoni, l-anqas l-awtoritajiet Maltin anke jekk kellhom obbligu li jagħmlu dan,” innota Gonzales Pons.

“L-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ iktar siekta. Kwalunkwe silenzju jkun sinjal ta’ rebħ għal min qatilha,” temm jgħid Esteban Gonzales Pons.

“Min għamel dan l-attakk huwa għadu tal-Unjoni Ewropea” – Gianni Pitella

Gianni Pitella, f’isem il-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qal li min qatel lil Daphne Caruana Galizia huwa għadu tal-Unjoni Ewropea.

F’indirizz fil-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett, Pitella qal li apparti mill-assistenza ġudizzjarja, għandu jkun hemm rispons politiku għal dak li seħħ.

Pitella qal li x-xeni tal-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia fakkruh fl-Italja u l-mafja. Żied li quddiem dan l-attakk, kulħadd għandu jkun magħqud flimkien.

Pitella temm jinnota li huwa importanti li l-ġurnalisti jitħallew jaħdmu fis-sigurta’ għaliex mingħajr ġurnalisti, ma jista’ qatt ikun hemm demokrazija b’saħħitha.

“Il-Gvern Malti kollu għandu jirriżenja” – Monica Macovei

“Quddiem il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern Malti kollu għandu jirriżenja u mhux il-Prim Ministru biss”.
Dikjarazzjoni qawwija mill-MEP Monica Macovei meta fil-Parlament Ewropew kienet qed tirrappreżenta lill-Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti waqt dibattitu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Macovei qalet li Daphne Caruana Galizia investigat kemm lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll stejjer oħra, fosthom it-trasferiment ta’ flus mill-Ażerbajġan lejn Malta.

“Għandna gruppi kriminali li qed jibgħatu messaġġ ċar – li min jinvestigahom, se jispiċċa bħal Daphne Caruana Galizia,” qalet l-MEP fl-indirizz tagħha.

Temmet tappella biex l-Unjoni Ewropea tikkummissjoni operazzjoni wiegħsa biex ikunu eradikati n-netwerks ta’ kriminalita’ u ta’ ħasil ta’ flus madwar l-Ewropa.

“Ma poġġewx il-bomba taħt il-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali, imma min kien qed jiġġieled l-attivita’ kriminali f’Malta” – Sven Giegold MEP

“Ma poġġewx il-bomba taħt il-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali, imma taħt min kien qed jiġġieled l-attivita’ kriminali f’Malta.” “Malta biegħet is-sovranita’ tagħha għall-interessi kriminali.” Dikjarazzjoni qawwija mill-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold f’intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu li ddiskuta l-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-ħelsien tal-media f’l-Ewropa fl-isfond tal-qtil tal-ġurnalisti Daphne Caruana Galizia.

“Is-16 ta’ Ottubru kien jum ta’ dieqa għalija. Jien iltqajt ma’ Daphne u laqtitni kemm kienet mara kuraġġjuża,” qal l-MEP Ġermaniż li hu membru tal-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.

Giegold qal li din hi l-Ewropa u mhux ir-Russja u l-Ewropa għandha taġixxi meta d-drittijiet fundamentali jiġu mhedda u għal dan il-għan ippropona ħames miżuri.

Investigatur internazzjonali u indipendenti biex jixħet dawl fuq dan id-delitt barbaru
Malta tkun imħeġġa b’iktar insistenza biex tissieħeb fis-sistema tal-Prosekutur Ewropew
Il-Kummissjoni Ewropea tara li jkun hemm mekkaniżmi biex jingħalqu toqob li jkunu sfruttati mill-kriminalita’.

Appoġġ għas-sejħa tal-familja Caruana Galizia biex il-Gvern ta’ Muscat jirriżenja.
Jibda jingħata premju Ewropew f’isem Daphne Caruana Galizia għal ġurnaliżmu investigattiv fuq l-istess linja tal-Premju Sakharov.

“Għandu jkun hemm protezzjoni sħiħa” – Miguel Urban Crespo

“Aħna rridu nuru l-appoġġ sħiħ tagħna għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia iżda irridu nilħqu wkoll id-Daphne’s kollha ta’ madwar id-dinja. L-inċentivi fiskali f’ċertu pajjiżi qed jattiraw il-kriminalita’. Irridu npoġġu l-whistleblowers qabel l-interessi kummerċjali tal-flus. Hawn minn qed jirriskja ħajtu u għandu jkun hemm protezzjoni sħiħa b’mod holisitiku madwar l-Ewropa.”

“Konferma li Daphne kienet tagħmel il-ħajja skomda għall-politiċi” – Ignazio Corrao

“Meta tisma’ attakk bil-bombi, tmur lura għall-attakki mafjużi fuq ġudikanti. Daphne kienet ilha mhedda u tħalliet waħedha u nqatlet b’mod brutali. Dan jibgħat messaġġ. Kien hemm diversi akkużi u għamlet il-ħajja skomda għal ħafna politiċi.”

“Delitt li jfakkarna fil-mafja Taljana” – Mario Borghezio

“Dan id-delitt lilna t-Taljani jfakkar fid-delitti kontra Falcone u Borsellino u f’każ ta’ ġurnalist Taljan li kien maqtul għal xogħolu. Nistaqsi jekk il-Kummissjoni għandhiex is-setgħat meħtieġa biex tindirizza dawn it-toqob kbar li minnhom jgħaddu finanzi illegali.”
Georgios Epitideios

“Il-Qtil traġiku ta’ Daphne Caruana Galizia kixfet problema serja tal-liberta’ tal-istampa. Il-kriminali u n-nies fil-poter jipprovaw jixtru lill-ġurnalisti u jekk ma jirnexxilhomx, dawn jhedduhom u saħansitra joqtluhom. Fil-Greċja ukoll hemm bżonn li l-ġurnalisti ikunu protetti.”