Lokali

Il-Bank Pilatus hedded b’azzjonijiet legali lil żewġ gazzetti lokali

L-uffiċini tal-Pilatus Bank f'Ta' Xbiex

Dan kollu f’nofs l-isfida li qed isibu l-ġurnalisti Maltin favur il-libertà tal-espressjoni.

Il-Bank Pilatus, li fix-xhur li għaddew issemma’ f’numru ta’ allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus bejn il-Gvern tal-Ażerbajġan u Malta, hedded lil żewġ kmamar tal-aħbarijiet lokali b’azzjonijiet legali fl-Istati Uniti jekk ma jneħħux artikli antiki dwar dawn l-allegazzjonijiet mill-Arkivji tas-siti tagħhom.

Fuq il-media soċjali feġġew diversi ‘posts’ ta’ kif artikli ppubblikati fix-xhur li għaddew minn Times of Malta u MaltaToday illum ma għadhomx jinstabu.

Dwar dan, l-Edituri ta’ Times of Malta spjegaw fi stqarrija li ttieħdu pariri legali biex tkun issalvagwardjata l-eżistenza tal-kumpanija wara din it-theddida serja għal-libertà tal-espressjoni.

L-Edituri qalu li t-theddida fil-konfront tagħhom kienet serja tant li kellhom jemendaw xi kontenut li jinsab fl-Arkivji tagħhom. Fl-istess waqt, l-Edituri ċċaraw li l-Kamra tal-Aħbarijiet li jmexxu dejjem ibbażat l-istejjer fuq il-verità kif magħrufa, filwaqt li wegħedu li se jibqgħu jagħmlu hekk fil-futur.

Fuq il-blogg tiegħu, il-blogger Manuel Delia nnota kif iż-żewġ ġurnali Maltin kellhom jieħdu dawn il-passi biex ikunu evitati problemi akbar għall-kumpaniji rispettivi, ħafna aktar gravi mill-konsegwenzi ta’ passi legali li normalment jittieħdu f’pajjiżna.

Madankollu, pressjoni bħal din li qed issir fuq Times of Malta u MaltaToday hi bla preċedent għall-ġurnaliżmu f’Malta. Dan minkejja li mhux daqstant faċli li t-tmexxija ta’ dan il-Bank, b’rabta mill-qrib mal-Gvern Ażeri, twieġeb għall-mistoqsijiet tal-media.

F’April li għadda, meta ffaċċjat minn mistoqsijiet diretti ta’ NET News dwar ir-rabta li l-Bank Pilatus jista’ għandu mal-kumpanija Egrant, li kienet issemmiet fil-Panama Papers, sid il-Bank kien għażel li jibqa’ ma jweġibx sakemm daħal fil-karozza u telaq mill-post bil-balgaja li ħareġ biha tard filgħaxija.

Dakinhar, il-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li allegatament, il-kumpanija Egrant hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Il-Ġurnalista kienet irrappurtat li dawn id-dettalji kienu rriżultaw minn dokumenti li eks impjegata tal-Bank Pilatus kienet rat fl-uffiċċji tal-Bank f’Ta’ Xbiex.

Minn dakinhar, u minkejja Liġi ġdida li daħħal il-Gvern Laburista fl-aħħar snin, il-Whistleblower Russa ma kienet ingħatat l-ebda protezzjoni. Anzi, hi kellha taħrab minn Malta wara li qalet li rċeviet theddid fil-konfront tagħha u tal-familja tagħha.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li dan il-każ hu wieħed ta’ theddida ċara u serja.

L-IĠM qalet li kwalunkwe miżura li tittieħed f’dan ir-rigward hi wkoll theddida għal-libertà tal-istampa, li għal pajiż demokratiku bħal Malta, mhu aċċettabbli qatt.