Lokali Qtil Politiku

Il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu biex ma jiddiskutix il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – PN

Minkejja l-appelli konsistenti tas-soċjetà ċivili, l-Gvern qed jibqa’ jwebbes rasu li mhux biss jara li tintrefa’ r-responsabbiltà politika għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda lanqas li dawn l-istess talbiet jiġu diskussi fil-Parlament, sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li wara li lbieraħ, il-Gvern iddikjara li għalih, dawn it-talbiet tas-soċjetà ċivili mhumiex ta’ importanza nazzjonali, dalgħodu, id-Deputati tal-Gvern pruvaw jimmanipulaw il-minuti tas-seduta tal-bieraħ bil-għan li dawn ma jkunux jirriflettu l-pożizzjoni li ħa l-istess Gvern. Dan ma seħħx biss, grazzi għall-insistenza tal-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, sostniet l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

L-Oppożizzjoni, iżda – kif diġà qalet ilbieraħ – mhix se tħalli lill-Gvern jinjora din it-traġedja nazzjonali u jħalli kollox business as usual. L-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi tas-soċjetà ċivili fil-Parlament. Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Prim Ministru messu jieħu eżempju mill-Parlament Ewropew li qed ikun ta’ spalla mal-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-mument diffiċli.