Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tikkummissjona studju biex tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt f’Malta

Il-Kamra tal-Avukati ikkummissjonat studju biex jiġu analizzati bir-reqqa in-nuqqasijiet strutturali fil-liġijiet tal-pajjiż u n-nuqqasijiet fil-mekkanizmi li huma ntiżi biex joħolqu propju bilanċ bejn u fl-organi tal-istat. Fi stqarrij il-Kamra tal-Avukati irreferiet għas-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż, fejn hija apparenti il-perċezzjoni ta’ ħafna, inkluzi membri tagħha, illi s-saltna tad-dritt qiegħda taħt pressjoni bla preċedent fl-istorja ta’ Malta.

“Dan huwa ta’ preokkupazzjoni kbira għall-Kamra li temmen li huwa kruċjali f’demokrazija li l-poplu kollu, mingħajr eċċezzjoni, jkun konvint illi jeżistu filpajjiz il-mekkaniżmi neċessarji biex is-saltna tad-dritt tirrenja mingħajr ebda dell ta’ dubju.”

L-istqarrija tkompli li dawn id-dubji u perċezzjonijiet m’humiex elementi li jistgħu jiġu skartati faċilment, u jistgħu ikunu il-prodott ta’ diversi fatturi, mhux l-inqas li l-infrastruttura tal-mekkaniżmi li huma ntiżi biex iħarsu s-saltna tad-dritt, illum huma antikwati u allura għandhom bżonn li jiġu aġġornati biex jilqgħu l-isfidi ġodda taż-żminijiet tal-lum; li qiegħda titrabba kultura fejn kollox jgħaddi; fejn il-qliegħ u l-vantaġġi monetarji għandhom priorità fuq valuri oħrajn, bħal ma huwa propju, id-dritt.

“Il-Kamra tal-Avukati tħoss li għandha obbligu li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali f’dan iddibattitu dwar it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt. Il-Kamra temmen li dan il-kontribut għandu jkun il-frott ta’ kunsiderazzjoni serja u deliberazzjonijiet sereni u mhux sempliċiment reazzjoni istintiva għal dak illi jkun qiegħed jingħad pubblikament.”

Huwa għalhekk illi se jsir dan l-istudju biex l-ewwel teżamina bir-reqqa il-pożizzjoni tal-infrastruttura legali tal-pajjiż u tagħmel proposti konkreti dwar kif tista’ tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, biex tilqa’ għall-isfidi ta’ soċjetà moderna u mentalità differenti mhux biss fil-preżent iżda fil-ġejjieni prevedibbli.

Wara li jitlesta l-istudju, il-Kamra tal-Avukati se tippublika l-proposti tagħha, fl-ewwel nofs tas-sena 2018, tvara konferenza nazzjonali dwar l-istess suġġett.