Skont rapport ġdid minn riċerkaturi fl-Istati Uniti, il-Korea ta’ Fuq hi suspettata li qed tiżviluppa ħażna ta’ armi bioloġiċi. Ingħad li l-iskop tar-reġim komunista fi Pyongyang hu biex ‘jiżra l-biża’ u l-paniku’ qalb il-peniżola Koreana f’każ ta’konflitt armat.
L-esperti indikaw madwar tlettax il-element– fosthom l-anthrax u l-kolera – bħala armi bioloġiċi potenzjali f’idejn ir-reġim tal-Mexxej komunista Kim Jong-un. Hemm ukoll l-idea li r-reġim fi Pyongyang kapaċi jferrex dawn l-elementi qattiela mingħajr il-ħtieġa li jegħleb intoppi tekniċi f’sitwazzjonijiet fejn l-istess elementi jridu jinġarru minn missili.
Hu possibbli li, f’dan il-każ, aġenti tar-reġim li jinterpretaw ir-rwol ta’ ħaddiema għal xogħlijiet ta’ tindif u diżinfettar, ‘iferrxu l-materjal bioloġiku bi sprayers li jistgħu jġorru bħala backpacks’. Dan skont ir-rapport tal-Belfer Centre for Science and International Affairs mal-Harvard Kennedy School, f’Cambridge, f’Massachusetts. Possibbiltà oħra hi li l-aġenti jikkontaminaw l-ilma għaz-zoni metropolitani kbar bil-materjal bioloġiku.
Il-Korea ta’ Fuq qatt ma għamlet sigriet mill-ambizzjonijiet biex tiżviluppa l-armi nukleari li kapaċi jolqtu lill-Istati Uniti. Dan bħala parti minn strateġija intiża kontra sitwazzjoni fejn ir-reġim ta’ Kim Jong-un ‘jista’ jitwarrab minn qawwiet barranin’.
L-analisti jemmnu li l-Korea ta’ Fuq diġà għandha l-kapaċità biex toqtol miljuni ta’ nies b’ armi konvenzjonali u nukleari f’każ li tisfa mira għal azzjoni militari mill-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, ir-rapport jissuġġerixxi li Pyongyang kapaċi qed jiżviluppa metodi għal germ warfare, għal waqt il-fażi inizjali ta’ konflitt potenzjali. L-awturi tar-rapport qalu li l-użu tal-armi bioloġiċi jkun parti minn pjan ‘biex is-soċjetà tispiċċa inkapaċitata’, bil-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel jgħid li ‘il-Korea komunista għandha tlettax il-tip ta’ armi bioloġiċi li tista’ tiżviluppahom bħala armi militari fi żmien għaxart ijiem’.
//= $special ?>


