Lokali

Il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus m’għandhomx jiġu ttolerati fl-industriji Maltin

Fi stqarrija konġunta bejn il-Kamra tal-Periti, is-Soċjetà Studenteska tal-Arkitettura u l-Inġiniera(SACES) u l-Assemblea Ewropea tal-Istudenti tal-Arkittetura f’Malta(EASA Malta), huma kkundanaw bla riżervi l-qtil barbaru tal-ġurnalista Maltija, Daphne Caruana Galizia u waslu l-kondoljanzi tagħhom lill-qrabatha u l-ħbieb.

Il-mewt ta’ Caruana Galizia għandha tallarma lis-soċjetà tagħna bil-futur terribli li għad naffaċjaw jekk l-istess soċjetà tonqos milli tara li tinżamm is-saltna tad-dritt u standards etiċi.

Il-parteċipazzjoni tat-3 organizzazzjonijiet fil-Protesta Nazzjonali tal-Ħadd għarrfet l-impenn tagħhom li kull professjonist jiżgura id-doveri tal-imġieba etika, li jżommu l-istituzzjonijiet kontabbli u jitkellmu meta dawn ifallu. Il-professjonisti għandhom id-dritt li jeżerċitaw il-professjoni mingħajr il-biża ta’ rikatt u huma responsabbli li jfittxu l-ġid komuni.

Il-periti u l-inġiniera għandhom id-dmir li jieħdu pożizzjoni u jżommu lura milli jakkomodaw vilment il-ħtiġijiet tal-kapital u interessi privati meta jinjornaw il-bżonnijiet tas-soċjetà. Dan għaliex ir-responsabbiltà aħħarija tagħhom hija lejn is-soċjetà.

Huwa d-dover ta’ kull organizzazzjoni professjonali u tas-soċjetà ċivili li jesiġu fuq l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet u proċessi li jiżguraw l-ugwaljanza fost il-Maltin. Ebda elementi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus m’għandhom jiġu ttollerati f’kwalunkwe industrija f’Malta.

F’dan is-sens, dawn l-organizzazzjonijiet reġgħu asserixxew l-impenn tagħhom li jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-leġislatur u l-industrija sabiex ġenerazzjonijiet futuri jkunu kburin bil-wirt ambjentali u arkittetoniku tagħhom. Dan il-wirt ‘il quddiem għad juri kif is-soċjetà t’issa għożżot il-ġmiel fuq ir-rgħejba, il-kwalità fuq il-medjokrità u l-onestà fuq il-korruzzjoni.