Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija ma’ jiltaqax mal-Kummissjoni Taljana anti-mafia għax “kellu impenji oħra”

Il-Kap tal-Kummissjoni Anti-Mafja Taljana, is-Senatur Rosy Bindi (it-tieni mix-xellug)

Il-Kummissjoni Anti-Mafja tal-Parlament Taljan kellha diversi laqgħat mal-awtoritajiet u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet f’Malta, fosthom il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista immexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll mal-Arċisqof ta’ Malta.

 

Iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem żjara ta’ jumejn, il-Kap tad-Delegazzjoni, is-Senatur Rosy Bindi qalet li ma kellhomx laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar għax fi kliem Bindi stess, “kellu impenji oħrajn”. “Kien importanti li niltaqgħu mal-Kap tal-Pulizija f’Malta għaliex b’differenza tal-Italja, f’Malta l-investigazzjonijiet jinbdew mill-Pulizija.”

Is-Senatur Bindi qalet li Malta minn dejjem kienet għażla għall-fazzjonijiet differenti tal-Mafja Taljana li donnu qed jespandi f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk kien importanti li l-Kummissjoni Anti-Mafja tiltaqa’ mal-istituzzjonijiet Maltin.

Filwaqt li ppreċiżat li ż-żjara tal-Kummissjoni kienet ilha programmata u li hi parti minn programm ta’ żjajjar f’diversi pajjiżi Ewropej, Rosy Bindi qalet li d-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia żiedet l-urġenza u kkonfermaw iż-żjara bħala turija ta’ solidarjeta’ Taljana mal-poplu u mal-istituzzjonijiet Maltin, iżda b’mod partikolari il-familja tal-ġurnalista maqtula.

Rosy Bindi qalet kif il-Kummissjoni Taljana iltaqgħet mal-Arċisqof Charles Scicluna wara l-quddiesa li saret fil-Bidnija u setgħu jaraw sens ta’ inkwiet iżda wkoll rieda tal-popolazzjoni biex tirreaġixxi.

Innutat ukoll li dan l-attentat heżżeż lill-istituzzjonijiet u din hi okkażjoni biex dawn iqumu u jkunu iktar konxji tal-perikli kif il-kriminalita’ organizzata tisfrutta toqob fil-liġijiet u fl-istituzzjonijiet sabiex ikollhom preżenza f’pajjiżi oħra, anki fejn jidħol ħasil ta’ flus permezz ta’ negozji leġittimi, fosthom l-imħatri online. Dawn m’humiex biss suspetti imma huma korroborati f’diversi inkjesti maġisterjali fl-Italja.

Hemm bżonn li l-leġislaturi Maltin jagħlqu dawn it-toqob u saħqet li jkun hemm impenn ikbar min-naħa tagħhom. Hi ma eskludietx li hemm ukoll il-preżenza tal-kriminalita’ organizzata Taljana fit-traffikar taż-żejt.

Fl-introduzzjoni tagħha, id-Deputat Rosy Bindi qalet li Malta u l-Italja għandhom storja twila ta’ kollaborazzjoni, li kompliet tintensifika f’dawn l-aħħar snin minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni.