Minn Strasburgu
Il-Parlament Ewropew illejla mistenni jiddibatti l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’dibattitu li ddaħħal fl-aġenda tal-Plenarja tal-Parlament Ewropew fil-jiem li għaddew.
Id-dibattitu, li mistenni jibda għall-ħabta tas-6.30pm, mhux se jitratta biss il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda anke l-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’Malta.
Hu mifhum li l-familja Caruana Galizia, li dalgħodu assistiet għall-minuta silenzju fil-Parlament Ewropew, mhux se tkun preżenti għad-dibattitu peress li l-familja tinsab fi triqitha lura lejn Malta.
Dalgħodu, sar indirizz qawwi mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, meta qabel minuta ta’ silenzju, saħaq li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’għandux jitħalla għaddej.
Fid-dibattitu tal-lejla, li netnews.com.mt u NET Television se jkunu qed ixandru live, se jsiru indirizzi kemm minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Parlament Ewropew.
Fost dawk skedati biex jitkellmu hemm il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans. Warajh jitkellmu rappreżentanti tal-Partiti Politiċi fil-Parlament Ewropew fosthom Esteban Gonzales Pons mill-Partit Popolari Ewropew, Gianni Pittella mill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi u Sven Giegols mill-ALE.
Dalgħodu kien hawn żviluppi importanti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li tista’ ssegwihom fil-link t’hawn taħt.
//= $special ?>