Il-Mexxej konservattiv tal-Awstrija, Sebastian Kurz, stieden lill-elementi tal-lemin radikali għal taħditiet biex jiffurmaw gvern ta’ koalizzjoni.
Kurz qal li l-Partit tal-Poplu, immexxi minnu, u l-Partit tal-Ħelsien (FPO) estremista qed iżommu pożizzjonijiet simili dwar qtugħ fit-taxxa u kontrolli għall-immigrazzjoni.
Intant, l-aktar aspett sinifikanti hu li l-istedina ta’ Kurz qed twitti t-triq għar-ritorn tal-FPO fil-Gvern wara aktar minn għaxar snin fl-Oppożizzjoni.
Madankollu, Kurz wissa li l-Gvern li jmexxi hu jista’ ikun biss wieħed ‘pro-Ewropa’, b’kuntrast għall-ideoloġija ewroxettika li qed jippromwovi l-FPO.
Filwaqt li rebaħ l-elezzjoni parlamentari tal-ġimgħa l-oħra, il-Partit tal-Poplu ta’ Kurz ma rnexxilux jikseb maġġoranza. Intant, l-unika għażla ‘oħra’ miftuħa għal Sebastian Kurz biex jifforma gvern ta’ maġġoranza hi koalizzjoni bejn il-partit tiegħu mas-Soċjal Demokratiċi.
L-aħħar alleanza bejn il-konservattivi u s-Soċjal Demokratiċi Awstrijaċi kienet ikkrollat fir-rebbiegħa u llum jidher li mhemmx daqstant riedja jew entużjażmu għal xi ripetizzjoni ta’ koalizzjoni simili.
Meta kellem lill-ġurnalisti, Sebastian Kurz tenna li ‘it-triq ‘il quddiem hi waħda ċara, fejn hu irid jifforma Gvern stabbli, b’maġġoranza soda fil-Parlament’. Hu kompla li f’każ li dan ma jkunx possibbli, il-potenzjal ta’ gvern ta’ minoranza jibqa’ alternattiva ‘definittiva’.
Il-Partit tal-Ħelsien Awstrijak (FPO) kien twaqqaf fl-1956 minn eks-nażisti li riedu jippromwovu politika kontra l-immigranti u l-Unjoni Ewropea. Intant, il-partit, fl-aħħar snin, naqqas mir-riġidità ta’ din il-politika u l-kandidat tiegħu kien sofra biss telfa minima fl-elezzjoni tas-sena l-oħra għall-Presidenza tal-Awstrija.
Sadanittant, l-immigrazzjoni kienet l-issue li ddominat il-kampanja qabel l-elezzjoni tal-ġimgħa l-oħra fl-Awstrija. Fl-istess ħin, Sebastian Kurz kien mexxa lill-partit tiegħu lejn il-lemin wara l-kriżi tal-immigranti tal-2015, b’din il-bidla tqanqal reazzjoni pożittiva mill-elettorat Awstrijak minħabba l-influss kbir (fil-pajjiż) ta’ immigranti u refuġjati mhumiex iddokumentati mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Partit tal-Ħelsien Awstrijak, li hu mmexxi minn Heinz-Christian Strache, qabel kien akkuża lil Kurz li ‘seraqlu l-ideat’, bl-analisti jsostnu li alleanza bejn dan il-partit u l-konservattivi tista’ toħloq kontroversja fost il-pajjiżi-membri tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>

