“L-ebda limitazzjoni fiżika jew mentali m’għandha tkun ostaklu għal-laqgħa mal-Mulej.” Dan qalu l-Papa Franġisku waqt laqgħa li huwa kellu mal-parteċipanti ta’ Konfereneza Internazzjonali dwar il-Katekeżi u l-Persuni b’Diżabilità fil-ħajja tal-Knisja fis-Sala Clementina fil-Palazz Appostoliku fil-Vatikan.
Għal din il-konferenza fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet attendiet delegazzjoni Maltija immexxijja minn Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, u kien akkumpanjat minn Rita Darmanin mill-Kummissjoni Kateketika Maltija, Natalino Psaila, persuna nieqes mis-smigħ, u Giselle Pisani, omm ta’ tifel bl-awtiżmu.
Fid-diskors tiegħu, il-Papa Franġisku saħaq fuq l-importanza li fuq livell kulturali nwaqqfu l-użu ta’ espressjonijiet li jweġġgħu id-dinjità ta’ persuni b’diżabbiltà minħabba l-prevalenza ta’ kunċetti foloz tal-ħajja. Dawn l-espressjonijiet jimmarġinalizza
whom mingħajr ma jaraw fihom il-ġid uman f’diversi
forom kif ukoll il-ġid spiritwali. Tant u hekk li ħafna nies, li matul it-tqala qabel it-twelid dehru li se jkollhom ta’ diżabilità, irnexxielhom jgħixu ħajja mimlija skop, avolja b’xi tbatija.
Dwar il-Katekeżi, il-Papa qal li “l-Knisja, hija msejjħa b’mod speċjali biex tiskopri u tesperimenta b’forom li jagħmlu sens biex kull persuna, bid-doni tagħha, bil-limitazzjonijiet u diżabilitajiet anke severi tagħha, tiltaqa’ mal-Mulej u tintelaq fih bil-fidi għax il-wiċċ ta’ Kristu jixgħel fl-intimità ta’ kull persuna.” Il-Papa temm jenfasizza l-importantanza li l-katekisti jgħinu lil dawn il-persuni biex jikbru fil-fidi u jagħtu kontribut ġenwin u oriġinali lill-ħajja tal-Knisja. B’hekk, fil-komunitajiet insara, għad naraw persuni b’diżabilità jsiru katekisti biex bix-xhieda tagħhom, jgħaddu l-fidi b’mod aktar effettiv.
Fi tmiem il-laqgħa ma’ Papa Franġisku, Dun Martin Micallef ippreżentalu kopja ta’ abbozz ta’ pubblikazzjoni ta’ ktejjeb ta’ talb bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Dan il-ktejjeb mistenni jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>