L-Għaqda tal-Konsumaturi, wara kuntatti li għamlet mal-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumatur, qed toffri għajnuna lill-konsumaturi li ngidmu meta l-linja tal-ajru Ryanair ħassret numru kbir ta’ titjiriet. “Nafu li kien hemm Maltin li ngidmu meta Ryanair riċentament ħassret ammont kbir ta’ titjiriet. Nafu żgur li kien hemm passiġġieri li kienu ġejjin minn Pisa u sabu li t-titjira tagħhom tħassret. L-Għaqda tħeġġeġ lil dawk il-konsumaturi li sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni biex jagħmlu ilment mar-Ryanair fuq il-weblink li tidher fuq il-website tal-Għaqda tal-Konsumaturi www.camalta.org.mt . ”
L-Għaqda tal-Konsumatur fi stqarrija qalet li qed tagħmel dan għaliex il-kumpens li ġew imwiegħda dawk li ngidmu mhux f’kull każ kien ikopri l-ispejjeż kollha li kellhom jonfqu dawk i-konsumaturi li spiċċaw vittmi ta’ dan l-aġir arbitrarju tar-Ryanair. L-Għaqda ħeġġet biex fl-ilment li jsir, wieħed għandu jinkludi l-ispejjeż kollha li sofrew minħabba l-kanċellament.
L-Għaqsa kompliet li jekk ir-Ryanair ma jagħtux risposta sodisfaċenti, hemm alternattivi oħra li l-konsumaturi jistgħu jieħdu, fosthom li jieħdu azzjoni legali. Dan jista’ jsir anki f’Malta minkejja li fil-website tar-Ryanair hemm li kull tilwima trid tidher quddiem il-qrati Irlandiżi fejn ir-Ryanair hi reġistrata. Għall-informazzjoni tal-konsumatur, l-Għaqda fil-website tagħha inkludiet ukoll link għall-app li ġiet żviluppata min-“Norwegian Consumer Council” fejn fiha wieħed jista’ jkun jaf id-drittijiet tiegħu waqt is-safar.
//= $special ?>

