Kollox jindika li min qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien qiegħed ftit għexieren ta’ metri lil hinn minnha jsegwiha ħierġa minn darha għall-aħħar darba, tirkeb il-karozza Peugeot 108 bajda, taqbad Triq il-Bidnija u attiva l-bomba qerrieda.
Il-ġurnal in-Nazzjon żvela li skont sorsi li tkellmu mal-ġurnal, fissru li diversi istanzi juru dan bl-aktar mod ċar, inkluż li min qatel lil Daphne Caruana Galizia kien ilu jsegwiha – possibbilment anki f’postijiet oħrajn – diversi jiem. Dan sakemm sab l-aħjar mument u l-aktar sitwazzjoni propizja għalih biex seta’ waħħal il-bomba ma’ qiegħ il-karozza.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon ikkondividew dak li kien żvelat fil-jiem li għaddew minn dan il-ġurnal, li min wettaq id-delitt kien ilu jippjanah għal numru ta’ xhur. Il-preparamenti kienu rigorużi u dettaljati ħafna u mhux neċessarjament min kien il-mandant jew mandanti jafu lil min fiżikament immanifattura l-bomba jew lil min waħħal il-bomba mal-karozza.
Fil-proċess ta’ din il-bomba – bħal f’ċerti każijiet oħrajn, fosthom il-bomba sploduta f’Buġibba – hemm għadd ta’ persuni direttament involuti, iżda li mhux neċessarjament jafu lil xulxin. Komuni bejn din il-katina ta’ persuni hi li minn id għall-oħra għaddew somom kbar ta’ flus li jistgħu jammontaw għal ċifri eżorbitanti.
Iżda fil-moħħ tal-mandant jew tal-mandanti kien imperattiv li akkost ta’ kollox, Daphne Caruana Galizia tinqatel. Hemm min isostni li l-qtil kellu l-mottiv preċiż ta’ tpattija għal aħbarijiet u skandli li żvelat Daphne Caruana Galizia fl-aħħar xhur. Hemm iżda min imur lil hinn minn hekk, billi jargumenta li l-bomba kellha wkoll il-mira li ssikket darba għal dejjem lil Daphne Caruana Galizia.
Li hu fiċ-ċert hu li l-ordni għat-twettiq ta’ din il-bomba kellha marbut magħha li l-bomba tkun ta’ ċerta qawwa biex ma tħalli l-ebda possibbiltà li l-vittma b’xi mod teħlisha minn ħalq il-mewt.
Kien biss meta Daphne Caruana Galizia tbiegħdet ftit għexieren ta’ metri lil hinn minn darha u qribha ma kien hemm ħadd aktar, li kienet attivata l-bomba. Il-bomba kienet destinata esklussivament għaliha u min għamel il-bomba assigura li ma jweġġa’ ħadd aktar. Faċilment il-bomba kienet attivata meta Daphne Caruana Galizia rikbet fil-karozza bajda li kienet qed issuq u kienet għadha fl-ispeċi ta’ sqaq biswit ir-residenza tagħha.
Imma jidher li min attiva l-bomba ma kellux l-intenzjoni li jolqot lill-familjari tagħha… stennieha tibda ssuq fid-direzzjoni tal-Mosta biex imbagħad attiva l-bomba.
Għalkemm fil-bidu seta’ kien hemm is-suspett li l-bomba setgħet kienet sploduta minn xi ħadd li kien qiegħed isegwi l-movimenti tal-karozza minn xi mkien ’il bogħod permezz ta’ xi mezzi teknoloġiċi, issa fost l-investigaturi hemm qbil li min attiva l-bomba kien preżenti biex ra x-xena tad-delitt.
Rapporti diġà ppubblikati fil-jiem li għaddew kienu jgħidu li darba splodiet il-bomba qawwija li dwiet mal-inħawi kollha, min kien fil-qrib iffriża u kesaħ, fosthom il-ġar tas-Sinjura Caruana Galizia, li kien qiegħed isuq fid-direzzjoni opposta tagħha fi triqtu lejn id-dar. Hu stess irrakkonta kif ra l-ewwel splużjoni, kif ra t-tieni splużjoni u kif saħansitra l-karozza għaddiet minn quddiemu sakemm inqalbet għal darba darbtejn fl-għelieqi li hemm fil-ġenb tat-triq u hemmhekk seħħet it-tielet splużjoni.
L-istess ġar jirrakkonta li t-tieni splużjoni kienet l-agħar waħda… kienet proprju l-isplużjoni li tertqet il-karozza u li mill-vittma għamlet ħerba totali. Minkejja x-xokk kbir b’dak li kien ġara, fosthom saħansitra mill-isplużjoni qawwija – inkluż binha Matthew Caruana Galizia – in-nies ippruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna. Kien kollu ta’ xejn, għaliex is-sewwieqa mietet imbiċċra u l-karozza kienet balla nar.
Imma lil hinn minn dan ix-xenarju ta’ paniku u twerwir, minn attiva l-bomba ra quddiem għajnejh iseħħ dan kollu u seta’ jitlaq mill-inħawi rasu mistrieħa li xogħlu kien għamlu.
Fi ftit tal-ħin – l-aktar ħames minuti biss wara – fil-post bdew jaslu l-Pulizija bil-vetturi. Il-moħħ wara t-tqegħid tal-bomba u l-attivazzjoni tagħha iżda kien ħarab mill-post… xogħlu kien għamlu u issa ried jara kif iwarrab mill-post.
Żgur li darba dan ix-xenarju kollu kien fis-seħħ, min fiżikament kien fil-Bidnija u ħarab, għamel l-ewwel telefonati tiegħu.
//= $special ?>