Minn Strasburgu
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani mistenni jagħmel ‘diskors qawwi’ fil-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, skont informazzjoni li għandu NET News.
Dan hekk kif fi Strasburgu waslet il-familja Caruana Galizia, fosthom ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia l-Avukat Peter Caruana Galizia u t-tliet uliedha, biex jassistu għal minuta silenzju fil-Parlament Ewropew f’nofsinhar dedikata għal Daphne Caruana Galizia.
Filfatt kien fuq talba tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, li l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani aċċetta li ma jkunx preżenti biss rappreżentant tal-familja, imma l-invit ikun estiż għall-familja kollha.
Il-minuta silenzju se ssir f’nofsinhar, ftit wara li l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia f’laqgħa privata. Wara, issir il-minuta silenzju hekk kif ilbieraħ bdiet il-plenarja tal-Parlament Ewropew mifruxa fuq tliet ijiem fi Strasburgu.
Ilbieraħ NET News żvela li l-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu se tissemma għal Daphne Caruana Galizia, u mifhum li din l-aħbar titħabbar b’mod uffiċjali llum.
Sadanittant hemm stennija wkoll għal dibattitu li se jsir fis-sessjoni tal-plenrja tal-lejla dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-liberta’ tal-istampa f’Malta. Wara li seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bħal-bieraħ ġimgħa, l-aġenda tal-Parlament Ewropew inbidlet mal-ewwel biex tkun tinkludi din id-diskussjoni. Dan b’kuntrast għall-mod kif ilbieraħ, il-Gvern Malti ma riedx jiddiskuti t-triq ‘il quddiem wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fid-dibattitu dwar is-sitwazzjoni f’Malta mistennija jsiru diskorsi minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>Sala tal-konferenzi fil-Parlament Ewropew se tissemma għal Daphne Caruana Galizia