In-Nazzjon ikompli jsegwi l-iżviluppi li qed iseħħu f’pajjiżna wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bil-ġurnal jiżvela li l-investigazzjonijiet qed juru li min attiva l-bomba kien ftit metri biss lil hinn mill-vittma.
Il-ġurnal jirrapporta wkoll dak li seħħ fil-parlament ilbieraħ, bil-Gvern jirrifjuta dibattitu dwar it-talbiet li għamlet lill-President ta’ Malta n-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili li talbet għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, u biex il-ħatriet ta’ dawn il-karigi għolja jsiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Dan hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Prim Ministru fil-Parlament biex jisma’ l-karba ta’ pajjiżna.
Il-ġurnal jagħti importanza wkoll il-messaġġ u l-appelli fil-quddiesa li mexxa l-Arċisqof ta’ Malta fil-Bidnija lbieraħ waranofsinhar, u stejjer oħrajn b’rabta mal-elezzjoni għal Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-paġni tal-opinjonijiet, illum ta’ Mario Schiavone, ta’ korrispondent u ta’ James Aaron Ellul, hemm aktar analiżi dwar dak li għaddej minnu l-pajjiż wara l-qtil brutali tal-ġurnalista investigattiva.
//= $special ?>