Lokali

Qabda ta’ madwar 21 miljun sigarett tal-kuntrabandu

F’2 operazzjonijiet separati , id-Dwana Maltija qabdet madwar 21 miljun sigarett tal-kuntrabandu.

Fl-ewwel każ, oriġinarjament il-kontejner, li għamel waqfa fi triqtu mit-Turkija lejn Spanja, iddikkjara li kellu basktijiet tal-plastik. Iżda meta l-kontejner ġie eżaminat, irriżulta li kien hemm madwar 11-il miljun sigarett tad-ditta ‘Toros’ u għalhekk inżamm fil-Port Ħieles.

Fil-każ l-ieħor, 10 miljun sigarett ġew miżmuma wara li l-kontejner, li għamel waqfa fi triqtu mill-Ukrajna lejn ir-Renju Unit, iddikkjara li kellu konsenja pajpijiet. Dawn is-sigaretti tad-ditta ‘President’ instabu moħbija wara faxx ta’ pajpijiet.

Id-Dipartiment tad-Dwana bħalissa għaddej bl-investigazzjonijiet b’rabta maż-2 każi.