Sport Sport Ieħor

Rambler 88 jerġa’ jirbaħ il-Line Honours tar-Rolex Middlesea Race

Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Maxi jott Rambler 88 rebaħ il-Line Honours tal-kompetizzjoni

Il-jott Maxi Rambler 88 ta’ George David rebaħ il-Line Honours tar-Rolex Middle Sea Race 2017. Hu qabeż il-linja tat-tmiem tar-Royal Malta Yacht Club matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, fl-21.48.09. Ir-rotta tal-jott damet sejra jumejn, disa’ sigħat, 48 minuta u disa’ sekondi.

Din kienet it-tielet sena konsekuttiva li l-jott Rambler 88 rebaħ il-Monohull Line Honours tat-tellieqa.
Ir-rekord attwali tal-kompetizzjoni kien twaqqaf propjru minn Rambler tal-istess George David fl-2007.
Dakinhar hu kien għamel ħin ta’ 47 siegħa, 55 minuta u fl-edizzjoni ta’ din is-sena kienet diffiċli għal Rambler jikser dan ir-rekord minħabba li kien hemm riħ qawwi flewwel 30 siegħa tat-tellieqa.

Grazzi għal dan is-suċċess George David kompla jibni fuq dak li kiseb ftit ilu hekk kif riċentament rebaħ ukoll fir-Rolex Fastnet Race.

Il-crew ta’ Rambler 88 hu kompost minn George David, Brad Butterworth, Dean Barker, Rodney Ardern, Silvio Arrivabene, Josh Belsky, Rodney Daniel, Will McCarthy, Robbie Naismith, Simon Daubney, Stu Wilson, Dean Phipps, Mark Newbrook, Nathan Hislop, Jan Dekker, Jerry Scott Beavis, Curtis Blewett, Brian Giorgio u Aaaron Reynolds – Lovegrove.

F’kummenti li ta George David mal-wasla tal-jott f’Malta qal li filwaqt li hu kuntent li għat-tielet sena nfila rebaħ il-Line Honours, hu qed jittama li jirbaħ anke l-unur overall la darba tkun finalizzata l-klassifika.

Ir-rotta tar-Rolex Middle Sea Race tieħu l-jottijiet minn Malta għal Capo Passero fil-ponta tan-naħa t’isfel ta’ Sqallija, lejn Messina, Stromboli, il-Gżejjer ta’ Favignana, Pantelleria, Lampedusa, u finalment lura Malta.

Il-klassifikazzjoni finali tar-Rolex Middle Sea Race tinħadem b’sistema tal-IRC handicap u f’dan l-istadju għadu kmieni għat-tbassir dwar min se jkun ir-rebbieħ overall dis-sena.