Il-Partit Komunista li qed imexxi liċ-Ċina ivvota biex l-isem u l-ideoloġija tal-President Ċiniż, Xi Jinping, ikun stabbilit u preservat fil-Kostituzzjoni. Dan ifisser li Jinping laħaq l-istess livell tal-eksmexxej fundatur tal-pajjiż komunista, Mao Zedong, bħala ‘punt ta’ riferiment’ u simbolu tat-tmexxija.
Il-vot unanimu għall-inkorporazzjoni tal-‘Ħsieb ta’ Xi Jinping’ fil-Kostituzzjoni sar fl-aħħar tal-kungress tal-Partit Komunista, li hu l-aktar laqgħa politika importanti fiċ-Ċina.
Xi Jinping ilu s-snin jikkonsolida l-poter fiċ-Ċina mindu laħaq mexxej nazzjonali, fl-2012. B’dan il-vot, kwalunkwe sfida lilu, minn issa ‘il quddiem, titqies daqslikieku theddida lit-tmexxija tal-Partit Komunista li ilu għexieren ta’ snin jamministra liċ-Ċina.
‘Il fuq minn 2,000 delegat inġabru fis-Sala l-Kbira tal-Poplu, f’Beijing, għall-approvazzjoni finali tal-proċess biex ‘il-Ħsieb ta’ Xi Jinping dwar is-Soċjaliżmu, bil-Karatteristiċi Ċiniżi għall-Era Ġdida’ ikun inkorporat fil-kostituzzjoni tal-Partit Komunista taċ-Ċina. Fl-aħħar tal-proċess, id-delegati qalu li ma kellhomx oġġezzjoni.
Għalkemm mexxejja preċedenti oħra tal-Partit Komunista taċ-Ċina kellhom l-ideoloġiji rispettivi inkorporati fil-Kostituzzjoni jew ‘il-linja tal-ħsieb’ tal-partit, l-ebda wieħed – ħlief għall-fundatur, Mao Zedong – ma kellhom il-filosofiji mfissra bħala ‘ħsieb li jservi bħala gwida’ li hu l-aktar terminu influwenti fil-ġerarkija ideoloġika komunista.
Intant, qabel Xi Jinping, kienu biss Mao u l-eks President Ċiniż, Deng Xiaoping, li kellhom isimhom ‘mehmuż’ mal-ideoloġija, u, fil-każ ta’ Deng, ismu kien ġie elevat u inkorporat fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżu wara mewtu.
Mil-lum ‘il hinn, tfal tal-iskola, l-istudenti li jattendu l-kulleġġ u ħaddiema fil-fabbriki tal-Istat iridu jissieħbu ma’ 90 miljun membru tal-Partit Komunista fl-istudju tal-‘Ħsieb ta’ Xi Jinping’ dwar l-era ġdida tas-soċjaliżmu ‘bil-karatteristiċi Ċiniżi’. L-espressjoni ‘era ġdida’ hi l-mod tal-partit biex jirreferi ‘għat-tielet kapitlu taċ-Ċina moderna’.
//= $special ?>

