Internazzjonali

Attivisti proċessati dwar terroriżmu fit-Turkija

Beda proċess tal-qorti għal ħdax il-attivist mixlija b’reati terroristiċi fit-Turkija. L-imputati jinkludu żewġ kapijiet internazzjonali tal-grupp Amnesty International li huma bbażati fil-pajjiż u żewġ barranin oħra.

Il-proċess hu simboliku ta’ pajjiż li qed ikompli bil-persekuzzjoni ta’ membri ta’ istituzzjonijiet suspettati bħala elementi fil-kolp ta’ stat fallut tas-sajf tal-2016, kontra l-President Tork Recep Tayyip Erdogan.  Il-proċessi inkwistjoni ħallew impatt kbir fuq l-istituzzjonijiet f’kull qasam tal-ħajja pubblika fit-Turkija, fejn l-awtoritajiet arrestaw għexieren ta’ eluf ta’nies, fosthom ġurnalisti, attivisti u membri tal-Oppożizzjoni Torka.

Intant, l-attivisti li bdew jgħaddu ġuri huma akkużati li għenu tliet gruppi li l-awtoritajiet Torok qed jirreferu għalihom bħala ‘organizzazzjonijiet terroristiċi armati’. L-imputati jistgħu jeħlu sa 15 il-sena priġunerija jekk jinstabu ħatja.

Sadanittant, saru dimostrazzjonijiet ta’ appoġġ għall-attivisti, bl-Amnesty International jikkundanna l-proċess kontra l-kapijiet tiegħu u l-attivisti taħt akkuża bħala ‘kompletament bla bażi’. L-Amnesty insista biex l-Imħallef inkarigat mill-proċess iwaqqaf il-każ ‘u ma jkomplix bl-inġustizzja’.