Minn Strasburgu
Id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jikkonferma kemm dan hu każ gravi li ma baqgħax biss f’pajjiżna, iżda ħareġ minn Malta u dar mal-Ewropa u d-dinja kollha.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa f’kummenti ma’ NET News.
“Mhux faċli li jkollok aġenda u tinbidel fl-aħħar minuta biex tiġi diskussa xi ħaġa oħra. Pero’, għall-Parlament Ewropew u għall-istituzzjonijiet Ewropej, dan hu każ gravi li jirrifletti l-qagħda tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna,” qal David Casa fil-kummenti tiegħu.
David Casa qal li kien jippretendi li d-dibattitu li qed isir fil-Parlament Ewropew dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kellu l-ewwel u qabel kollox isir f’Malta.
Temm jirreferi għar-rikonoxximent li l-Parlament Ewropew ta lil Daphne Caruana Galizia meta semma sala tal-konferenzi għaliha. “Filwaqt li l-Unjoni Ewropea qed tirrikonoxxi lil Daphne Caruana Galizia, il-Gvern Malti l-anqas biss irid jiddibatti,” temm jgħid David Casa.
//= $special ?>