Lokali Qtil Politiku

FILMAT: “Intbagħat messaġġ qawwi favur il-libertà tal-espressjoni” – Francis Zammit Dimech

Minn Strasburgu

“Bl-omaġġ lil Daphne Caruana Galizia, intbagħad messaġġ qawwi favur il-libertà tal-espressjoni”.

Qal dan il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech f’kummenti lil NET News, hekk kif fi Strasburgu qed isir dibattitu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Francis Zammit Dimech spjega li l-libertà tal-ġurnalisti għandha tkun marbuta mal-libertà tal-poplu, għax m’għandux biss ikun hemm il-libertà tal-ġurnalisti, iżda anke l-libertà li l-poplu jirċievi l-informazzjoni.

Zammit Dimech għamel referenza għall-indirizz tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani fejn tkellem dwar Daphne Caruana Galizia, kif ukoll għall-minuta silenzju li saret. “Għalija kien mument kommoventi fejn esprimejna l-valur tal-libertà tal-ġurnalisti. Tqanqal bl-aktar mod qawwi s-sentiment mhux biss b’solidarjetà ma’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha, imma għal dak kollu li hi kienet tirrappreżenta,” temm jgħid l-MEP Francis Zammit Dimech.