Il-futur tar-Russu Daniil Kvyat hu inċert hekk kif Red Bull permezz ta’ Helmut Marko qalu li ma jemmnux li Kyvat ma jistax jibdel l-andament tiegħu mat-tim fiż-żmien li ġej.
Ir-Russu se jkun mibdul għat-tieni darba dan l-istaġun fil-Grand Prix tal-Messiku, b’Pierre Gasly se jirritorna flimkien ma’ Brendon Hartley u b’hekk dawn iż-żewġ sewwieqa se jtemmu l-istaġun.
Kvyat spiċċa fl-għaxar post fil-Grand Prix tal-Istati Uniti wara assenza ta’ żewġ tiġrijiet, u ddeskriva l-prestazzjoni tiegħu bħala l-aqwa tal-istaġun, iżda hu mistenni li din kienet l-aħħar tiġrija tiegħu mat-tim.
Kvyat mhux se jerġa’ jirritorna. Aħna ma nemmnux li jista’ jitjieb b’mod sinifikanti fiż-żmien li ġej. Gasly u Hartley se jispiċċaw l-istaġun, imbagħad naraw x’jiġri,” qal il-konsulent ta’ Red Bull Helmut Marko.
Il-futur ta’ Kvyat fil-Formula 1 issa hu f’dubju, b’Williams hu l-uniku tim li għad għandu post vojt għall-istaġun li ġej. Kvyat kien ingħaqad ma’ Red Bull fil-programm taż-żgħażagħ fl-2010 u għamel id-debutt tiegħu fil-Formula 1 fl-2014 ma’ Toro Rosso.
Fi tmiem l-ewwel staġun tiegħu, hu kien promoss għat-tim prinċipali tar-Red Bull biex jieħu post Sebastian Vettel u jkun fl-istess tim ma’ Daniel Ricciardo. Hu spiċċa t-tieni fil-Grand Prix tal-Ungerija fl-2015 u t-tielet fil-Grand Prix taċ-Ċina fl-2016, iżda kien relegat għat-tim tat-Toro Rosso f’Mejju tal-2016, b’Max Verstappen jeħodlu postu mar-Red Bull.
Kvyat imbagħad ġab anqas punti minn sieħbu fit-tim Carlos Sainz u ħa l-mistrieħ għat-tiġrijiet tal-Malasja u l-Ġappun wara li ħabat fil-Grand Prix ta’ Singapore f’Settembru.
Il-punt li kiseb il-Ħadd li għadda, kien l-ewwel wieħed mill-Grand Prix ta’ Spanja f’Mejju u kien il-ħames punt tiegħu dan l-istaġun. “Jekk qed tistaqsini jekk għandix pjan B jew Ċ, iva għandi xi ħsibijiet. Il-Formula 1 mhux kollox. Hemm aktar opportunitajiet tajbin fil-ħajja. Jien dejjem se nkun sewwieq u dejjem irrid intellaq.
//= $special ?>