“Għandna Parlament bla sinsla.” Hekk saħqet id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli fis-seduta Parlamentari ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija li qalet li l-Membri Parlamentari għandhom d-dover li jerġgħu jġibu lill-Parlament bħala l-istituzzjoni li tiddefendi liċ-ċittadini mill-kbir saż-żgħir.
Marthese Portelli qalet li tmint ijiem wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kulħadd għadu taħt xokk. Hija qalet li dan il-qtil ħasad il-vuċi li kienet tikxef il-ħażen f’pajjiżna. Min għamel dan l-assassinju kellu l-għan li jsikket lil min jikxef il-kriminalità organizzata.
Hija saħqet li l-Istat naqas mill-obbligu tiegħu li jipproteġi lil persuna li kienet vulnerabbli. Minflok, kompliet Marthese Portelli, inħolqot klima biex min ried jeħles minn Daphne Caruana Galizia seta’ jagħmel dan bl-inqas xkiel.
Id-Deputat Nazzjonalista fakkret li iben Daphne Caruana Galizia, Andrew, li kien jaħdem bħala Career Diplomat ġewwa l-Indja, issejjaħ lura Malta sena u nofs qabel ma skadielu l-kuntratt u xahar biss wara l-elezzjoni li għaddiet.
Marthese Portelli sostniet li l-Ministru Ian Borg xtaq ħafna li llum jiġi jitkellem dwar l-Aġenzija għat-Toroq meta f’pajjiżna għandna aġenzija tal-kriminalità.
“Ma nistgħux niġu fil-Parlament nitkellmu dwar is-surplus fl-ekonomija meta għandna surplus fil-kriminalità. Ma nistgħux niġu fil-Parlament nitkellmu dwar il-libertajiet ċivili meta għandna libertà falza” saħqet Marthese Portelli.
Hija saħqet fuq il-ħtieġa li terġa’ tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet li f’pajjiżna jerġgħu jirrenjaw is-serenità u s-saltna tad-dritt. Din l-isfida, kompliet Marthese Portelli, titlob li jingħaqdu l-Membri Parlamentari ta’rieda tajba taż-żewġ naħat tal-kamra flimkien mal-membri tas-soċjetà ċivili.
“Ejja nwelldu n-nazzjon mill-ġdid” temmet l-appell tagħha d-Deputat Marthese Portelli.
//= $special ?>