L-eks Viċi-Deputat tal-Istat Amerikan, Richard Armitage, qal li hemm ‘ċans ta’ wieħed f’erba’’ li l-Istati Uniti tirrikorri għal ‘azzjoni militari diskreta’ biex trażżan il-provokazzjonijiet tal-Korea ta’ Fuq komunista fuq livell nukleari u daqstant ieħor militari.
Armitage, li kien qed jitkellem waqt l-Asia Pacific Geo-Economic Strategy Forum, f’Singapore, qal li d-diplomazija tibqa’ l-ewwel issue fuq il-mejda iżda ‘li kieku kellu jilgħab imħatra’, hu kien jemmen aktar f’xi forma ta’ azzjoni militari bħala miżura li tikkonfronta l-kriżi, li aktar, kulma jmur, qed issir akuta.
Intant, Gary Roughhead, l-eks kap tal-operazzjonijiet navali tal-Istati Uniti li għamel id-diskors ewlieni waqt l-avveniment, deher aktar deċiż dwar il-‘passi ideali’ minn pajjiżu f’din il-kriżi.
‘Il-pressjoni fuq ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq għandha tinkludi l-użu potenzjali ta’ qawwa militari,’ sostna Roughead, li enfasizza li mhux probabbli li l-Istati Uniti u l-alleati tagħha ‘jiddependu fuq miżuri ta’ difiża waħedhom’ f’każ li huma jaċċertaw li l-Korea komunista tista’ qed tħejji ‘aggressjoni immedjata’.
Hu ma jimmaġinax li jeżisti mexxej li jiddeċiedi biss fuq bażi ta’ difiża ‘jekk kemm il-darba l-qerda ta’ pajjiż sħiħ issir possibbiltà’.
Intant, il-Ġappun jibqa’ fost l-aktar pajjiżi li qed isegwu l-kriżi tal-Korea ta’ Fuq b’ansjetà, b’Iwao Horii, il-viċi-ministru parlamentari għall-affarijiet barranin, jesprimi l-fehma tal-Gvern Ġappuniż dwar il-ħtieġa li tiżdied il-pressjoni ‘sal-ogħla livell possibbli’ biex jitrażżan il-proċess tal-Koreani komunisti lejn in-nuklearizzazzjoni.
//= $special ?>


