Lokali

“Irridu naħdmu flimkien għas-sigurtà ta’ pajjiżna” – Adrian Delia

Il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jkollu riperkussjonijiet koroh u fit-tul għal pajjiżna, u hu għalhekk li hemm bżonn li tittieħed azzjoni ta’ malajr biex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma ssofrix.

Appella dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li l-Erbgħa ndirizza konferenza annwali ta’ EY li għal darb’oħra saret f’pajjiżna.

Adrian Delia qal li wieħed mis-sigrieti tat-tisħiħ tal-ekonomija ta’ pajjiżna, li baqgħet b’saħħitha anke fi żmien ta’ kriżi ekonomika globali u fi żmien ta’ gwerer, kienet ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż sigur.

Iżda l-avvenimenti tal-aħħar jiem, bl-aħbar tal-qtil ta’ ġurnalista Maltija tixtered mad-dinja kollha, tpoġġi dan kollu f’riskju. Hu għalhekk li Adrian Delia appella għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

“Illum ninsabu hawn biex nibgħatu messaġġ lill-komunità kummerċjali internazzjonali, li aħna nemmnu fit-tajjeb u li se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipproteġu r-reputazzjoni tagħna. Nemmnu f’Malta u fil-poplu tagħna. M’aħniex se naħarbu milli nieħdu azzjoni konkreta fl-interess ta’ pajjiżna. Irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet, intuhom l-indipendenza u l-ħelsien mill-partiġġjaniżmu u l-objettivi politiċi,” iddikjara Adrian Delia.

Irrefera wkoll għall-Air Malta u enfasizza l-importanza li l-linja nazzjonali tiġi salvata u tissaħħaħ filwaqt li wiegħed li l-Oppożizzjoni qegħda u se tkompli tagħmel l-almu tagħha biex tkun parti mis-soluzzjoni biex ikunu salvagwardjati s-setturi differenti tal-eknomija f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx preżenti għaliex it-Tlieta ħalla pajjiżna lejn Dubaj biex ibiegħ iċ-ċittadinanza Maltija.

Ironikament, f’messaġġ irrikordjat, jirrikonoxxi li fid-dawl tal-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, il-poplu jistenna mill-mexxejja tiegħu jiggwidawh.

Muscat iddikjara li pajjiżna hu pajjiż kwiet u trankwill waqt li ddeskriva l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu eċċezzjoni.

Fakkar li matul din l-istess konferenza sena ilu, issemmiet il-problema tat-traffiku bħala waħda mill-affarijiet li qed iżżomm lura l-investiment u l-prezzijiet tal-propjetà – żewġ problemi li rrikonoxxa li għadhom ma ssolvewx.