Lokali

“L-Aġir ta’ Pilatus Bank hu inaċettabbli” – David Casa

L-aġir ta’ Pilatus Bank fil-konfront tal-media Maltija hu inaċettabbli. Sostna dan permezz ta’ twitter, David Casa, l-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew.

Il-Bank Pilatus, li fix-xhur li għaddew issemma’ f’numru ta’ allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus bejn il-Gvern tal-Ażerbajġan u Malta, hedded lil żewġ kmamar tal-aħbarijiet lokali b’azzjonijiet legali fl-Istati Uniti jekk ma jneħħux artikli antiki dwar dawn l-allegazzjonijiet mill-Arkivji tas-siti tagħhom. Fuq il-media soċjali feġġew diversi ‘posts’ ta’ kif artikli ppubblikati fix-xhur li għaddew minn Times of Malta u MaltaToday illum ma għadhomx jinstabu.

David Casa qal li mhux se jħossu komdu qabel ma jara l-miżuri li jiġġieldu l-prattiċi ta’ Platus Bank fil-konfront tal-mezzi tax-xandir, jitpoġġew quddiem l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti.
Net News diġa’ rrapporta kif, l-Edituri ta’ Times of Malta spjegaw fi stqarrija li ttieħdu pariri legali biex tkun issalvagwardjata l-eżistenza tal-kumpanija wara din it-theddida serja għal-libertà tal-espressjoni.

L-Edituri qalu li t-theddida fil-konfront tagħhom kienet serja tant li kellhom jemendaw xi kontenut li jinsab fl-Arkivji tagħhom. Fl-istess waqt, l-Edituri ċċaraw li l-Kamra tal-Aħbarijiet li jmexxu dejjem ibbażat l-istejjer fuq il-verità kif magħrufa, filwaqt li wegħedu li se jibqgħu jagħmlu hekk fil-futur.
Madankollu, pressjoni bħal din li qed issir fuq Times of Malta u MaltaToday hi bla preċedent għall-ġurnaliżmu f’Malta. Dan minkejja li mhux daqstant faċli li t-tmexxija ta’ dan il-Bank, b’rabta mill-qrib mal-Gvern Ażer, twieġeb għall-mistoqsijiet tal-media.

F’April, meta ffaċċjat minn mistoqsijiet ta’ NET News dwar ir-rabta li l-Bank Pilatus jista’ għandu mal-kumpanija Egrant, li kienet issemmiet fil-Panama Papers, sid il-Bank kien għażel li jibqa’ ma jweġibx sakemm daħal fil-karozza u telaq mill-post bil-balgaja li ħareġ biha tard filgħaxija.