Iċ-Ċina introduċiet il-kumitat ġdid ewlieni għat-tmexxija tal-Istat fejn kisret minn mat-tradizzjoni b’li ma semmietx suċċessur ċar għall-President Ċiniż attwali, Xi Jinping.
In-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ suċċessur fit-tmexxija taċ-Ċina kompla jikkonsolida r-riedni ta’ Xi Jinping fuq il-pajjiż komunista għall-ħames snin li jmiss. Il-pożizzjoni ta’ poter assolut ta’ Xi Jinping tista’ anki tibqa’ effettiva ‘il hinn sew minn dan il-perjodu wara li ismu, din il-ġimgħa, ġie inkorporat fil-Kostituzzjoni tal-Istat.
Sadanittant, hu minnu wkoll li l-assenza ta’ eredi qajjmet dubji dwar it-tul taż-żmien li Xi Jinping beħsiebu jnmexxi pajjiżu. Dan fost domandi dwar jekk Xi, li għandu 64 sena, hux qed jaħseb tassew biex jibqa’ fit-tmun taċ-Ċina wara l-2022 – għalkemm l-influwenza tiegħu, illum, tant saret kbira li hu ikun jista’ jkompli, effettivament, bħala Mexxej nazzjonali.
Kienu kkonfermati ħames ħatriet ġodda għall-Istanding Committee tal-Politburo, magħmul minn seba’ membri, u li hu l-aktar istituzzjoni b’saħħitha taċ-Ċina, fejn l-akbar issues politiċi huma diskussi u deċiżi. L-osservaturi rrimarkaw li l-ħames membri maħtura kollha għandhom ‘il fuq minn 60 sena u x’aktarx li huma jirtiraw fl-aħħar tat-terminu ta’ ħames snin. L-assenza ta’ membri żgħażagħ f’dan l-Istanding Committee anki qed iżżid l-ispekulazzjoni dwar l-intenzjonijiet ta’ Xi Jinping għas-snin li ġejjin.
//= $special ?>


