L-istazzjon nazzjonali qed jingħata direzzjoni biex il-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia ‘jinqatel’ mid-diskussjoni kemm jista’ jkun malajr, u biex mill-aktar fis possibbli, il-programmi u l-aħbarijiet ikunu business as usual.
Fi stqarrija l-Kelliem għall-Kultura u l-Media Karl Gouder qal li dan kien evidenti fil-programm Dissett ilbieraħ filgħaxija mmexxi mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja li – b’mod li jinsulenta lill-poplu Malti u Għawdxi – għażel li jiddiskuti l-Awtorità tal-Ippjanar. Dan fil-ġurnata li l-Parlament Ewropew waqaf biex jiddiskuti l-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, jumejn wara li s-soċjetà ċivili mliet it-toroq tal-Belt Valletta f’dimostrazzjoni ssejjaħ għall-ġustizzja, l-għada li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq mozzjoni fil-Parlament biex isir dibattitu dwar it-talbiet tas-soċjetà ċivili, u fil-ġurnata li f’pajjiżna kien hawn il-Kummissjoni Anti-Mafia tiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż.
Karl Gouder qal li billi jiddiskuti temi oħra li huma rrelevanti fid-dawl tat-traġedja nazzjonali li għaddej minnha pajjiżna, l-istazzjon nazzjonali qed jiprova jimmanipula u jinjora dan il-qtil politiku. L-Oppożizzjoni mhix se tħalli l-Gvern jinjora din it-traġedja nazzjonali u se tibqa’ tinsisti li tintrefa’ r-responsabbiltà politika.
//= $special ?>

