Lokali

L-MUT tikxef kemm il-Gvern m’għandux pjan għall-għalliema f’pajjiżna

L-azzjoni industrijali mħabbra mill-Union tal-Għalliema aktar kmieni llum tikkonferma kemm il-Gvern Laburista m’għandu ebda pjan għall-għalliema f’pajjiżna. 

Saħqet dan il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Commodini Cachi.

Hi qalet li pajjiżna jinsab fi stat ta’ traġedja nazzjonali bi kriżi kbira fl-istituzzjonijiet. Quddiem din is-sitwazzjoni, l-Gvern qed jibqa’ jiprova jitfa’ kollox taħt it-tapit u jinjora wieħed mill-aktar setturi importanti li jista’ jwassal biex terġa’ tibda tiżdied il-fiduċja fl-istituzzjonijiet – dak tal-edukazzjoni. 

L-għalliema f’pajjiżna mhux iħossu s-surplus li qed jitkellem dwaru l-Gvern. Minflok, l-għalliema qed jiffaċċjaw kriżi – kemm fil-kundizzjonijiet kif ukoll fir-rispett li għandhom igawdu. 

L-Oppożizzjoni – kif diġà qalet – mhix se tieqaf hawn. Filwaqt li lesta tgħin lill-Gvern jindirizza din il-kriżi, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Gvern jieqaf jaġixxi qisu kollox business as usual, iżda jagħti l-importanza kollha neċessarja biex jiġi assigurat ir-rispett għall-għalliema kemm fil-klassi kif ukoll fis-soċjetà Maltija u Għawdxija.