Lokali Parlament

“Pajjiżna għaddej mill-istess kalvarju tat-tmeninijiet” – Beppe Fenech Adami

“Pajjiżna għaddej mill-istess kalvarju tat-tmeninijiet. F’pajjiżna qed tirrepeti ruħha l-istorja traġika li għexna dawk iż-żminijiet”

Qal dan il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami meta kien qed jitkellem fis-seduta Parlamentari ta’ nhar it-Tlieta filgħaxija.

Huwa fakkar f’dak li kien seħħ nhar t-Tnejn l-Iswed meta numru ta’ kriminali protetti mill-politiċi ħarqu l-bini tat-Times, il-każini tal-Partit Nazzjonalista tal-Belt, tal-Furjana u ta’ Birkirkara u wara baqgħu sejrin ikissru d-dar ta’ Eddie Fenech Adami.

“Għadni narahom sa issa” qal Beppe Fenech Adami li ġedded il-memorji koroh ta’ dak il-jum.

Qal li dakinhar ukoll l-Oppożizzjoni kienet mixlija li qed “ixxewwex” – l-istess kif il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet tiġi akkużata li qed ixxewwex. Dakinhar, fakkar Beppe Fenech Adami, konna mwiegħda li “we will leave no stone unturned” li ftakar li  bħala tifel ta’ ħdax-il sena kien mitlub jidentifika min huma l-ħatja tal-attakk fuq id-dar tal-familja tiegħu.

L-istess wegħda ta’ “we will leave no stone unturned” instemgħet ukoll meta sar il-qtil ta’ Raymond Caruana minkejja li fl-istess nifs kien qed jinħema frame up kontra l-mibki Pietru Pawl Busuttil.

“Ħadd ma kien jimmaġina li konna se nerġgħu niġu fi żmien meta l-Pulzija jiġu fl-istat li qegħdin fih illum” sostna Beppe Fenech Adami li rrefera għall-konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Kummissarju tal-Pulizija wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Beppe Fenech Adami qal li xi ħadd kodard qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – il-vuċi kontra l-korruzzjoni tal-Gvern u l-abbuż tal-poter. Huwa saħaq li dan il-qtil kien konsegwenza ta’ aġir tal-Gvern li ħalla l-pajjiż fil-kaos li qiegħed fih illum fejn il-kriminali u l-Pulizija jimxu lambranzetta flimkien.

Huwa saħaq li għal dan id-delitt hemm ir-responsabilità tal-kriminal li għamel il-bomba li tajret lil Daphne Caruana Galizia imma hemm ukoll ir-responsabilità ta’ min kellu jagħmel xi ħaġa biex dak li seħħ ma jseħħx.

Beppe Fenech Adami fakkar kif f’pajjiżna f’dawn l-aħħar erba’ snin saru numru ta’ rapporti kontra nies li wettqu reati kriminali iżda ma sar xejn. Huwa saħaq li wasalna sa hawn għax il-Gvern ta’ Joseph Muscat intenzjonalment kisser l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Il-messaġġ tal-Gvern kien li f’pajjiżna l-kriminali jistgħu jagħmlu li jridu.  Beppe Fenech Adami rrefera għal numru ta’ skandli li tkellmet fuqhom l-Oppożizzjoni – ewlenin fosthom dak tal-Panama li kixfet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li llum kulħadd moħħu mistrieħ għax Daphne Caruana Galizia nqatlet u l-whistleblower ħarbet mill-pajjiż.

Il-messaġġ f’dawn l-iskandli kien dak li l-kriminali  jistgħu joperaw f’pajjiżna saħaq Beppe Fenech Adami li fakkar li f’pajjiżna saru iktar karrozzi bomba minn kull pajjiż ieħor Ewropew.

“Dan huwa ċ-ċertifikat li ksibt Sur Prim Ministru. Int intenzjonalment kissirt l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u kissirt il-valuri tas-sewwa u l-ġustizzja. Il-legat tiegħek huwa t-traġedja Daphne Caruana Galizia u pajjiż li huwa korrott u moralment fallut. F’ġieh is-sewwa itlaq issa” sostna Beppe Fenech Adami.