Internazzjonali

Partit politiku ta’ New Zealand irid iħallas id-danni lir-rapper Eminem

 

Il-Partit Nazzjonali fi New Zealand se jkollu jħallas l-ekwivalenti ta’ $412,000 f’kumpens lil Eminem, wara li l-famuż rapper Amerikan ressaq rikors fil-konfront tal-istess partit politiku dwar abbuż tal-liġijiet ta’ copyright.

Il-Partit Nazzjonali kien uża kanzunetta b’melodija u ritmu simili għas-suċċess Lose Yourself , ta’ Eminem, bħala parti mill-propaganda għal elezzjoni. Intant, il-qorti deċidiet li l-kanzunetta bl-isem Eminem-esque għandha biss differenzi minimi għal dik oriġinali.

Il-każ, li beda f’Mejju, hu l-aħħar wieħed li qed jeżamina l-legalità ta’ mużika li tintuża għal waqt avvenimenti u li ‘tidher li kienet misruqa’ minn mużika oriġinali.

Intant, il-kumpannija Eight Mile Style li tippubblika l-mużika ta’ Eminem, ressqet ir-rikors wara li l-Partit Nazzjonali ta’ New Zealand uża versjoni mhix liċenzjata ta’ Lose Yourself ( kanzunetta li rebħet Oscar) waqt avveniment tal-kampanja politika tal-2014.

L-avukati tal-partit politiku inkwistjoni qalu li l-kanzunetta, jew track, ma kenitx, fil-fatt, Lose Yourself, iżda kanzunetta ( Eminem-esque) li l-partit kien xtara mingħand librerija li żżomm il-materjal relatat mal-mużika għall-użu ta’ klijenti.

Madankollu, il-qorti deċidiet li dik il-kanzunetta kienet ‘simili biżżejjed għax-xogħol mill-aktar oriġinali ta’ Eminem’, u għaldaqstant għaddiet il-verdett li ‘iva, il-kanzunetta tal-Partit Nazzjonali ta’ New Zealand abbużat il-kunċett tal-copyright’.