L-għaxar ġurnata tas-Serie A ftit offriet sorpriżi hekk kif wara li Inter rebħu t-Tlieta, it-timijiet l-oħra ta’ fuq rebħu kollha, b’Napoli, Juventus, Lazio u Roma għelbu lil Genoa, Spal, Bologna u Crotone rispettivament.
Milan irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Chievo filwaqt li Fiorentina u Atalanta kisbu rebħiet tajba f’darhom. Cagliari u Udinese kisbu rebħiet f’konfronti dirett min-naħa ta’ isfel tal-klassifika.
BERGAMO – Atalanta għelbu 3-0 lil Verona fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia. REMO FREULER fetaħ l-iskor fil-50 minuta, b’JOSIP ILICIC jirdoppja fid-59 minuta. JASMIN KURTIC għalaq il-logħba bit-tielet gowl kwarta mit-tmiem. Iż-żewġ timijiet kellhom gowl imħassar bil-VAR fl-ewwel taqsima.
CAGLIARI – Rebħa importanti ta’ Cagliari fuq Benevento 1-0. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fid-disgħa minuta minn PAOLO FARAGO, b’Marco Sau jfalli ċ-ċans li jirdoppja ħames minuti wara meta xxutja barra penalty.
VERONA – Milan irritornaw għar-rebħ, wara li għelbu lil Chievo 4-1 fi Stadio Bentegodi. Kien SUSO li fetaħ l-iskor b’xutt sabiħ għar-rokna fis-36 minuta, u sitt minuti wara rduppjaw meta minn kross ta’ Suso, Bostjan Cesar għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess b’daqqa ta’ ras. HAKAN CALHANOGLU skorja t-tielet gowl fil-55 minuta, iżda VALTER BIRSA naqqas id-distakk sitt minuti wara li ħa vantaġġ minn żball difensiv. Madankollu NIKOLA KALINIC għamilhom 4-1 fl-64 minuta.
FIRENZE – Fiorentina komplew jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika, b’rebħa 3-0 fuq Torino fi Stadio Artemio Franchi. MARCO BENASSI fetaħ l-iskor fid-29 minuta b’konklużjoni djagonali fil-baxx, b’GIOVANNI SIMEONE jirdoppja l-iskor f’nofs it-tieni taqsima. KHOUMA BABACAR żied ieħor fl-aħħar kwarta minn penalty.
GENOVA – Napoli baqgħu fil-quċċata b’rebħa tajba ta’ 3-1 fuq Genoa. Kienu Genoa li fetħu l-iskor wara erba’ minuti b’gowl ta’ ADEL TAARABT, iżda Napoli dawru l-iskor meta l-ewwel ġabu d-draw fl-14-il minuta bi free-kick ta’ DRIES MERTENS, biex l-istess DRIES MERTENS skorja t-tieni gowl man-nofs siegħa logħob meta kkontrolla tajjeb u skorja minn angolu ristrett. Napoli skorja it-tielet gowl mas-siegħa logħob b’awto-gowl ta’ Ervin Zukanovic. Genoa daħlu fil-logħba kwarta mit-tmiem b’gowl tad-difensur ARMANDO IZZO.
TURIN – Juventus kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Spal 4-1. Kien FEDERICO BERNARDESCHI li fetaħ l-iskor fl-14-il minuta b’xutt għar-rokna, biex PAULO DYBALA rdoppja fit-22 minuta bi ġmiel ta’ free-kick. Spal naqsu d-distakk fl-34 minuta b’gowl mill-viċin ta’ ALBERTO PALOSCHI. Il-Bianconeri skorjaw it-tielet gowl fil-65 minuta permezz ta’ GONZALO HIGUAIN, biex ħames minuti wara JUAN CUADRADO kompla jkabbar l-iskor.
RUMA – Roma rebħu wkoll fi Stadio Olimpico 1-0 kontra Crotone. Il-gowl deċiżiv wasal wara 10 minuta minn penalty ta’ DIEGO PEROTTI.
SASSUOLO – Udinese kisbu rebħa importanti meta f’konfront min-naħa ta’ isfel għelbu lil Sassuolo 1-0 fil-Mapei Stadium. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fit-32 minuta minn ANTONIN BARAK.
BOLOGNA – Lazio komplew il-mument pożittiv tagħhom b’rebħa diffiċli ta’ 2-1 kontra Bologna fi Stadio Renato Dell’Ara. Kien SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC li fetaħ l-iskor fir-raba’ minuta, u wara li Ciro Immobile falla penalty fl-20 minuta, kien SENAD LULIC li rdoppja l-iskor tmien minuti wara. Iżda awto-gowl tal-istess plejer fil-50 minuta daħħal lil Bologna fil-logħba.
//= $special ?>