Internazzjonali

Spanja: Tamiet li l-intervent f’Katalonja ikun wieħed qasir

 

Il-Prim Ministru ta’ Spanja, Mariano Rajoy, qal li l-pjani tal-Gvern tiegħu biex jieħu kontroll mingħajr preċedent tal-‘affarijiet importanti ta’ Katalonja’, filwaqt li jwaqqaf l-impenn tar-reġjun għall-indipendenza, huma ‘eċċezzjonali’ – iżda, hu, fl-istess ħin, jittama li l-impenn ma jġebbidx fit-tul.

Rajoy qal lill-Parlament ta’ Madrid li l-applikazzjoni ta’ Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni hi l-unika reazzjoni possibbli għar-restawr tal-legalità tar-reġjun ta’ Katalonja. Il-Prim Ministru kompla li l-legalità ta’ Katalonja spiċċat ‘invalidata’ mill-impenji tal-Kap tar-reġjun, Carles Puigdemont, biex ir-reġjun jinqata’ mill-kumplament ta’ Spanja.

Intant, Mariano Rajoy qed jittama li l-miżuri ppjanati – fosthom it-tkeċċija tal-Gvern ta’ Puigdemont u t-trażżin tal-poteri tal-Parlament Katalan – iservu għal żmien qasir.

Dan meta l-pjan ta’ Madrid hu li l-miżuri ppjanati, li qatt qabel ma kienu implimentati fi Spanja, jikkonkludu b’elezzjonijiet reġjonali li Rajoy qed jittama li jsiru mill-aktar fis. Madankollu, il-Prim Ministru Spanjol għamilha ċara wkoll li l-elezzjonijiet inkwistjoni jistgħu jsiru biss ‘ladarba jirristawraw iż-żamma tal-liġi u l-ordni’ fil-Katalonja.

Is-Senat ta’ Spanja mistenni japprova dawn il-miżuri nhar il-Ġimgħa.

Fi żviluppi oħra, l-Assemblea Katalana Nazzjonali – l-akbar organizzazzjoni ċivili favur l-indipendenza tal-Katalonja – qed tħeġġeġ lis-sostenituri biex jinġabru quddiem il-Parlament Katalan fil-belt ta’ Barċellona ‘ħalli jiddefendu lir-Repubblika’.

Mistenni li Carles Puigdemont, għada filgħaxija,  jidher quddiem il-kamra ta’ fuq tal-Parlament f’Madrid, bil-Parlament Katalan  mistenni jiltaqa’ biex jiddibatti t-tweġiba għal Artiklu 155.