Lokali

Storja, Glorja u Ġieħ

Wirja ta' Memorabilja fil-Każin tas-Società Filarmonica La Vittoria tal-Mellieħa

Matul din it-tmiem il-ġimgħa, fis-Sala 8 ta’ Settembru tas-sede tas-Società Filarmonica La Vittoria l-Mellieħa qed tittella’ wirja mhux tas-soltu. Iltqajna mal-President tas-Soċjetà, Paulino Mifsud, li għaddilna iktat tagħrif fuq din il-wirja bit-tema ‘Storja, Glorja u Ġieħ’ li qed tfakkar il-110 Anniversarju mit-twaqqif tal-Banda La Vittoria.

F’din il-wirja ta’ kultura storika, hemm esebiti strumenti li jmorru lura għall-1906, partikolarment klarinett ta’ wieħed mill-Fundaturi, Giovanni Vella, u l-ewwel perkussjoni tal-banda. Ma’ din l-istrumentatura naraw Sassofonu Alto li kien idoqq fuqu wieħed mis-Surmastrijiet li kellha l-Banda La Vittoria, Willie Attard, u l-eqdem uniformi li rnexxielha tirkupra s-Soċjetà tal-1926. Strument mhux tas-soltu fil-baned Maltin f’din il-wirja huwa d-Double Bell Euphonium, tant rari li jeżistu 3 biss fid-dinja tal-istess għamla.

Surmast rinomat ieħor li kellha dina l-banda huwa Nikola Montebello u għalhekk, f’din il-wirja wieħed jista’ jara xi marċi u t-traskrizzjonijiet tiegħu, liema mużika ħalla kollha b’wirt u bil-jeddijiet lis-Società Filarmonica La Vittoria. Traskrizzjoni għall-banda partikolari li laqtet għajnejna hija t-tielet att mill-Opra I Lombardi ta’ Giuseppe Verdi li tmur lura għall-1882, traskritta 40 sena wara li kitibha l-istess Verdi.

Esebiti oħra ta’ natura storika huma l-inviti uffiċjali li rċievet is-Soċjetà mill-Gvern Brittaniku u Malti għall-għoti tal-Indipendenza fl-1964, karlotta mogħtija mill-Papa Piju XII fis-16 ta’ Frar 1956 u l-bakketta użata mis-Surmast Vincenzo Ciappara meta ndaqq l-Innu Malti għall-ewwel darba minn banda Maltija.

Din il-wirja hija miftuħa kuljum sal-Ħadd 29 t’Ottubru bejn il-5.30 u d-9.30pm. Il-wirja tkun miftuħa ukoll il-Ħadd filgħodu bejn id-9.30am u 12pm.