Lokali

‘Strike’ ta’ ġurnata mill-għalliema fit-8 ta’ Novembru

Fallew in-negozjati bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema fuq il-proposti finanzjarji għall-ftehim settorjali l-ġdid, liema proposti huma l-qofol ta’ ftehim li ilu jiġi nnegozjat mill-bidu tas-sajf.

B’hekk, l-MUT se tħabbar 50 direttiva gradwalment fis-sigħat li ġejjin, 15 minnhom jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn li ġej,  li se jwasslu għall-strike ta’ ġurnata għall-għalliema kollha tal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja nhar l-Erbgħa 8 ta’ Novembru jekk ma jirriżulta ebda żblokk bejn iż-żewġ partijiet. Dawn id-direttivi se japplikaw ukoll għall-membri tal-MUT fl-amministrazzjoni tal-iskejjel u l-kulleġġi, u jolqtu direttament il-proċess kurrikali tal-istudenti.

L-għalliema qed jitolbu żieda ta’ iktar minn 20% fil-paga gradwalment f’5 snin iżda wara ħafna tkaxkir tas-saqajn, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni rritorna bil-proposta finanzjarja ta’ 5% żieda fuq 5 snin. L-MUT flimkien mal-għalliema jħossuhom insulentati b’din il-kontro-prosposta tal-Gvern, liema kontro-proposta tiskoraġixxi żgħażagħ ġodda jidħlu f’din il-linja u tħeġġeġ għalliema fis-settur joħorġu minnha. Il-pagi preżenti tal-għalliema ma jikkumpensawx għaż-żieda ambundanti ta’ xogħol li tgħabbew fl-aħħar snin.

Apparti l-ftehim settorjali mal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja, l-MUT qed tesperjenza tkaxkir tas-saqajn ukoll fir-reazzjonijiet mill-amministrazzjonijiet tal-MCAST u l-ITS għall-proposti tal-ftehim settorjali ieħor għall-għalliema ta’ dawn iż-żewġ. Jekk tippersisti din is-sitwazzjoni u ma tiġix riżolta, l-Erbgħa 8 ta’ Novembru se jidħol fis-seħħ strajk ta’ siegħa mill-għalliema fil-gradi kollha.