Il-Pulizija Britannika arrestat 11 il-persuna fir-Renju Unit wara numru ta’ rejds intensivi li seħħew matul il-lejl li għadda. L-azzjonijiet saru bħala parti minn investigazzjoni dwar it-traffikar ta’ persuni li hi mifruxa madwar l-Ewropa.
L-aħħar arresti mill-Pulizija Britannika saru fl-ibliet prinċipali ta’ Londra u Birmingham, kif ukoll f’Gateshead.
L-arrestati, allegatament, huma parti minn grupp ta’ kriminali organizzat li juża l-vetturi bil-kompartamenti sigrieti ħalli jittrasportaw in-nies lejn ir-Renju Unit.
Fl-istess ħin li saru r-rejds fir-Renju Unit, xi 15 il-persuna oħra kienu arrestati b’konnessjoni mal-każ fil-Belġju u l-Bulgarija.
Madwar 200 uffiċjal tal-pulizija ħadu sehem fl-azzjoni Britannika li tmexxiet mill-Home Office (il-Ministeru tal-Intern f’Londra) u li hi mlaqqma ‘Halifax’.
Jaħsbu, intant, li l-persuni traffikati ġejjin, fil-parti kbira, mill-Afganistan, kif ukoll mill-Pakistan u l-Vjetnam.
//= $special ?>


