Il-qawwiet Iraqqin bdew offensiva biex jaħtfu lura l-aħħar fortizza tal-ISIS fl-Iraq, waqt li l-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, wissa lill-militanti li għadhom jiddefendu t-territorju li jistgħu jagħżlu ‘li jċedu jew jinqatlu fuq il-post’.
Dawn il-qawwiet Iraqqin kienu qed jikkonċentraw fuq l-inħawi ta’ al-Qaim u Rawa, qrib il-wied tax-Xmara Euphrates, u viċin il-fruntiera mas-Sirja.
Intant, il-ġiħadisti tal-ISIS għadhom qed jikkontrollaw parti mill-wied ta’ Euphrates fil-provinċja Sirjana ta’ Deir al-Zour. Iżda huma jinsabu taħt pressjoni mill-qawwiet favur il-Gvern Sirjan kif ukoll minn alleanza ta’ ġellieda Kurdi u Għarab ( li għandhom l-appoġġ tal-Istati Uniti) li fl-aħħar jiem kienet ħatfet il-belt ta’ Raqqa ( fis-Sirja) lill-ISIS.
Il-Prim Ministru Abadi qal li l-qawwiet tiegħu kienu qrib li jilliberaw al-Qaim, Rawa u l-villaġġi tal-madwar li fissirhom bħala ‘l-aħħar bejta tat-terroristi’.
L-ibliet ta’ al-Qaim u Rawa, flimkien mal-belt Sirjana ta’ Albu Kamal, qrib il-fruntiera mas-Sirja, għandhom importanza strateġika kbira għall-ISIS, li qed juża r-rotot fl-inħawi biex jitrasferixxi l-ġellieda u l-armamenti.
L-ibliet huma wkoll importanti fis-sens simboliku għaliex jikkostitwixxu l-hekk-imsejjaħ ‘Provinċja ta’ Euphrates’ kif iddikjarata mill-ISIS.
Jaħsbu li madwar 75,000 ċivili għadhom qed jgħixu fil-provinċja tal-Punent ta’ Anbar, waqt li ħarbu minn hemmhekk madwar 65,000 minn Jannar ‘il hawn.
//= $special ?>

