L-Alternattiva Demokratika qed tisħaq li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali, li ilha mwiegħda s-snin, għandha tiġi varata mill-iktar fis sabiex jiġu msaħħa l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isfond tal-mafkar fil-Belt għal Daphne Caruana Galizia, iċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo qal li għandna bżonn li jkollna istituzzjonijiet b’saħħithom u li jaġixxu b’mod awtonomu u li l-AD se tagħmel kuntatt mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-proċess jinbeda mill-iktar fis.
Carmel Cacopardo qal li fil-kuntest tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-pajjiż għandu żewġ prijoritajiet importanti quddiemu. Li min wettaq dan l-att atroċi jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja u li b’mod immedjat, jitnieda tentattiv serju biex titfassal riforma kostituzzjonali mill-qiegħ li twassal għal tisħiħ tabilħaqq tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Hu qal li l-ippuntar tas-swaba’ m’hu se jwassal imkien ħlief għal ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni ta’ Malta u, iktar minn hekk, l-imminar tal-istituzzjonijiet li diġa’ kienu dgħajfa.
Hu temm li l-ġid komuni għandu jiġi qabel kull pika politika li spiċċat kielet il-fibra morali u etika f’dan il-pajjiż. F’dan iż-żmien ikrah u mudlam, il-politika hi msejħa tagħti messaġġ ċar u li toffri soluzzjonijiet fit-tul.
//= $special ?>

